L-Arċisqof jgħammed 8 adulti minn pajjiżi differenti

Arkivji

Illejla l-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra s-Sagramenti lil tmien adulti li huma minn seba’ pajjiżi differenti: Malta, iċ-Ċina, l-Ungerija, Spanja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Russja u t-Turkija.

Is-sagramenti huma msejjħa bħala dawk tad-Dħul fil-Ħajja Nisranija għaliex l-Arċisqof se jamministra l-Magħmudija, l-Griżma u t-Tqarbin lil dawn il-persuni li f’età adulta agħżlu l-ħajja Nisranija.  It-tmien adulti se jirċievu dawn is-sagramenti waqt il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Matul ir-Randan, dawn il-persuni ltaqgħu mal-Arċisqof Scicluna bi tħejjija għal dan il-mument importanti f’ħajjithom.

Waħda minn dawn il-katekumeni hi mara 43 sena li ġiet Malta sentejn ilu biex titgħallem l-Ingliż. Minkejja li trabbiet f’pajjiż Musulman, ommha, li hija Nisranija, għadditilha t-tagħlim u l-valuri Nsara. Cristina dejjem kellha xewqa kbira li tħaddan il-fidi Nisranija. F’Malta ltaqgħet mas-sorijiet Dumnikani li introduċewha ma’ katekista mill-parroċċa ta’ Ħal Lija li qed takkumpanjaha f’din il-mixja ta’ fidi li ser twassalha biex issir membru ġdid tal-Knisja Kattolika.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid tibda fit-8pm u tinkludi: it-tberik tan-nar li jsir fuq iz-zuntier tal-Konkatidral u jkompli bit-tħabbira tal-Għid; il-qari ta’ siltiet mill-Kotba Mqaddsa u l-kant tal-Glorja; it-tberik tal-ilma, meta l-blandun mixgħul minn nar imbierek fuq iz-zuntier jiddaħħal fl-ilma; u l-liturġija tal-Ewkaristija.

Tista’ taqra l-istqarrija sħiħa hawn.