L-Arċisqof jappella għal diskussjoni matura u ċivilizzata

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li l-poplu Malti kollu għadu kapaċi jiddiskuti b’mod matur u ċivilizzat.
Mons. Scicluna kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ The Sunday Times dwar il-kummenti tal-Eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Tony Zarb, li fuq Facebook kiteb li wħud mill-MEPs Maltin kienu qed jittradixxu l-pajjiż. Fost l-oħrajn Tony Zarb qal li jixtieq jiltaqa’ ma’ Roberta Metsola u David Casa, biex jgħidilhom “f’wiċċhom li huma tradituri u ġakbini”. Kumment ieħor kien li “meta jaslu Malta ħaqqhom li jkollhom laqgħa ta’ tradituri”.
L-Arċisqof qal li hu jingħaqad mal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fl-appell tagħha għall-għaqda fost il-poplu.
Żied jgħid li diskors ta’ mibegħda, jiġi minn fejn jiġi, mhux aġir aċċettabbli waqt li jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali.
Mons. Charles Scicluna saħaq li qatt ma jista’ jkun hemm demokrazija, b’attentati ta’ assassinar tal-karattru u intimidazzjoni.
Żied jgħid li d-demokrazija tiffjorixxi, fejn hemm vera libertà tal-ħsieb u espressjoni, taħt is-saltna tal-liġijiet (rule of law).