L-Arċisqof jappella biex ma nirrinunzjawx ir-responsabilità tagħna lejn il-batut

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-Insara biex ma jirrinunzjawx it-talent li l-Mulej fdalhom sabiex jieħdu ħsieb lill-batut.

“Minkejja li xi drabi mhux talent ifuħ, il-qligħ veru li jwassalna fl-hena tiegħu hi li r-responsabbiltà li għandi, tkun xi tkun, raġel ta’ familja, omm ta’ familja, politiku, isqof, qassis, teacher, social worker.”

“Kulħadd fil-vokazzjoni tiegħu huwa fdat b’teżori kbar tal-Mulej, ħafna drabi jkun nies li għandhom bżonn l-għajnuna,” stqarr Mons. Scicluna.

Huwa qal li mhux il-mument li wieħed iwarrab mit-teżor li ġie fdat lilek. “X’kont se nagħmlu lill-Mulej? Bżajt minnek u ħrabt?” staqsa l-Arċisqof.

Meta kien qed jitkellem waqt l-omelija tal-Ħadd, Mons. Scicluna qal li mar-responsabilità, il-Mulej se jagħtina wkoll l-għajnuna.

Il-quddiesa kienet mxandra mill-Kappella tal-Erwieħ Qaddisa f’Wied Għammieq fil-Kalkara. Mons. Scicluna silet xebh bejn il-vittmi tal-epidemija tal-pesta li laqtet lil Malta 200 sena ilu u l-vittmi huma midfuna f’din il-kappella u l-vittmi tal-pandemija tal-coronavirus. L-Arċisqof qal li dawn kollha kienu vittmi taċ-ċirkustanzi.