L-Arċisqof iqaddes minn diversi knejjes matul Ġunju

L-Arċisqof Charles Scicluna se jkun qed iqaddes minn diversi knejjes madwar Malta matul ix-xahar ta’ Ġunju.

L-Arċisqof CharlesScicluna se jkompli jiċċelebra Quddies matul il-ġimgħa kif ukoll kull nhar ta’ Ħadd. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi qed jixxandru fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Il-Quddies organizzat mill-Arċidjoċesi ta’ Malta qed jixxandar mit-Tnejn sas-Sibt fid-9.30 am mill-Kappella tal-Madonna ta’ Manresa, fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Wara l-Quddiesa tingħad it-talba tar-Ruzarju. Dan il-ħin ta’ talb jiġi mtenni fuq TVM2 fil-5.30pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa.

Imbagħad, is-Sibt filgħaxija, fis-7pm, tixxandar Quddiesa għaż-żgħażagħ mill-bitħa tal-Kurja tal-Arċisqof. Din tixxandar fuq il-Facebook page u l-YouTube channel tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, u fuq radju 103.

Il-Ħadd fid-9.30am tkun iċċelebrata Quddiesa bil-Malti fuq TVM2, u fl-10.30am fuq Facebook u YouTube tiġi ċċelebrata Quddiesa bl-Ingliż, mill-Knisja Arċipretali Kolleġġjata ta’ San Pawl, ir-Rabat. Il-Quddiesa bl-Ingliż tixxandar fuq TVM2 fis-6.30pm.

Matul Ġunju, il-Quddies ser jixxandar minn dawn il-knejjes:

  • Il-Ħadd 7 ta’ Ġunju, Solennità tat-Trinità Qaddisa, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa bil-Malti fid-9.30am (fuq TVM2) u Quddiesa bl-Ingliż fl-10.30am (fuq Facebook u YouTube), mill-Grotta ta’ San Pawl, ir-Rabat. Il-Quddiesa bl-Ingliż tixxandar fuq TVM2 fis-6.30pm.
  • Il-Ħadd 14 ta’ Ġunju, Solennità tal-Ġisem u d-Demm Għażiż tal-Mulej (Corpus Christi), Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa bil-Malti fid-9.30am (fuq TVM2) u Quddiesa bl-Ingliż fl-10.30am (fuq Facebook u YouTube) mill-Knisja Arċipretali Kolleġġjata ta’ San Pawl, ir-Rabat. Il-Quddiesa bl-Ingliż tixxandar fuq TVM2 fis-6.30pm.
  • Il-Ġimgħa 19 ta’ Ġunju, Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, fid-9.30am. Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla.
  • Il-Ħamis 25 ta’ Ġunju, fil-11.30a, l-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa mill-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, Bormla, b’tifkira tal-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari. Din il-Quddiesa tixxandar fuq TVM2 fil-5.30pm.