L-Arċisqof imexxi ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-Ġermanja

L-Arċisqof Charles Scicluna mexxa ċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Liborju, il-qaddis patrun tal-Arċidjoċesi ta’ Paderborn, il-Ġermanja.
Fi żjara tiegħu Mons. Scicluna żar ukoll il-katidral ta’ Köln, fejn talab ukoll fuq il-qabar tal-kardinal Joachim Meisner, li miet ftit tal-jiem ilu.  
Waqt din iż-żjara ta’ erbat ijiem, bejn is-Sibt 22 u l-Erbgħa 26 ta’ Lulju 2017, l-Arċisqof kien akkumpanjat minn Father Joseph Debono, saċerdot Malti li qed jagħmel ħidma pastorali fil-parroċċa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, fil-belt ta’ Hamm, il-Ġermanja.
Fil-knisja ta’ din il-belt, iddedikata lil Santa Reġina, l-Arċisqof mexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-vespri u waqt il-funzjoni kien assistit mis-seminarista Mike Hottmann, li s-sajf li ġej se jagħmel xogħol pastorali f’Malta, b’mod partikolari fil-parroċċa Ġermaniża.
Il-festa ta' San Liborju fil-Ġermanja, tiġi ċċelebrata fuq medda ta' jiem u matulha jiġu organizzati wkoll laqgħat mal-gruppi u għaqdiet tal-Knisja, taħdit fuq il-Bibbja, kif ukoll lok għal żfin u mużika.
It-tema tal-festival ta' din is-sena kienet “il-ħbiberija hi sagra” u dan fid-dawl tal-fatt li tal-kriżi politika fl-Ewropa, fejn hu importanti li ningħaqdu flimkien fil-fidi u l-ħbiberija.
Għal din il-festa ġew mistiedna madwar 20 isqof u kardinali minn 14-il pajjiż.