L-Arċisqof iħalli Malta għall-missjoni fdata lilu mill-Papa

L‑Arċisqof Charles Scicluna llum se jħalli Malta għal New York u ċ-Ċilì fuq xogħol assenjat lilu mill-Papa Franġisku.
Fiż-żjara ta’ 10 ijiem, l-Arċisqof mistenni jinvestiga l-allegat abbuż sesswali minn saċerdot fiċ-Ċilì u l-allegazzjonijiet li l-Isqof ta’ Osorno Juan de la Cruz Barros Madrid kien xhud tal-abbużi.
Mons. Scicluna mistenni jkollu numru ta’ laqgħat privati.  Huwa jirritorna Malta, l-Ħadd 25 ta’ Frar.
L-Arċisqof se jmur New York qabel iċ-Ċilì biex jisma’ xhieda importanti hemmhekk, wara li saret intervista mill-midja ma’ vittma ta’ abbuż sesswali, li qal li kien bagħat ittra lill-Papa fl-2015.
Fi stqarrija, l‑Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Arċidjoċesi informa lill‑midja li l-Arċisqof mhux f’pożizzjoni li jagħti kummenti jew iwieġeb mistoqsijiet b’rabta mal‑missjoni fdata lilu.
Fl‑assenza ta’ Mons. Arċisqof, it‑tmexxija tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta se tkun f’idejn il‑Vigarju Ġenerali, Mons. Joe Galea Curmi.
Sadanittant, id-Direttur tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Vatikan, Greg Burke, f’komunikat qal, li diversi drabi fix-xahar, il-Papa Franġisku jiltaqa’ ma’ vittmi ta’ abbuż sesswali, kemm individwalment u anki fi gruppi.
Żied jgħid li l-Papa jisma’ lill-vittmi u jipprova jgħinhom ifiequ mill-effetti serji tal-abbuż li jkunu sofrew.
Enfasizza li l-laqgħat isiru b’kunfidenzjalità stretta. 
Ritratt: Arkivji