L-Arċisqof iħeġġeġ aktar tolleranza f’Malta

L-Arċisqof Charles Scicluna ħeġġeġ it-tolleranza f’Malta, inkluż bejn persuni ta’ fidi jew kult differenti.
L-Arċisqof kien qed jiġi intervistat fil-programm “Bir-Rispett Kollu” fuq RTK.
Dwar il-Musulmani jitolbu nhar ta’ Ġimgħa quddiem il-knisja tal-Imsida, l-Arċisqof spjega li dawn in-nies għandhom id-dritt jitolbu u jesprimu l-fidi tagħhom b’mod privat u pubbliku, anke għax il-Kostituzzjoni ta’ Malta tagħti ugwaljanza u dritt għall-kult.
Spjega li l-parroċċa għall-Eritrejani u l-Etjopjani hi “parroċċa personali” bħalma huma l-parroċċi għat-Taljani jew għall-Franċiżi fil-Belt.
Dwar l-allegat ta’ dehriet f’Borġ in-Nadur, l-Arċisqof tenna d-differenza bejn sopranaturali u preternaturali. Qal li t-talb li sar b’intenzjonijiet tajba ma jintilifx waqt li fakkar li l-Kurja għandha lil Fr Rene Camilleri biex iservi ta’ għajnuna u gwida.
Mistoqsi dwar Medjugorje, l-Arċisqof qal li anke f’dan il-każ, kien ġie dikjarat li ma kienx ġej minn Alla u l-Knisja mistennija tagħti risposta definittiva.
Min-naħa l-oħra, dak li seħħ f’Lourdes, Fatima u fl-inħawi Ta’ Pinu f’Għawdex kienu meqjusa minn Alla.
Fil-ġimgħa ddedikata għall-għaqda fost l-Insara, l-Arċisqof qal li din hi emerġenza u ta’ urġenza iktar minn qatt qabel. Fakkar kif il-martri għadhom jinqatlu sikwit minħabba t-twemmin tagħhom.
Iktar kmieni, waqt l-istess programm, il-Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi, Fr Joe Galea Curmi, spjega li minbarra l-Katidral tal-Imdina, il-Bibien tal-Ħniena f’Malta nfetħu f’żewġ knejjes, fit-tramuntana u fin-nofsinhar ta’ Malta, marbuta mal-ħajja reliġjuża f’Malta.
Fakkar, li l-Bieb tal-Ħniena hu marbut mal-Pellegrinaġġ, li jfakkar fil-pellegrinaġġ tal-bniedem lejn id-destinazzjoni ta’ wara l-ħajja fuq l-art. Spjega wkoll dwar diversi inizjattivi li qed jittieħdu fil-parroċċi differenti ta’ Malta, biex in-Nisrani jgħix din is-Sena tal-Ħniena b’sens profond, inkluż matul ir-Randan li jibda fl-10 ta’ Frar.