L-Arċisqof iħeġġeġ liż-żgħażagħ ikunu qaddisin illum

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-qdusija ma takkwistahiex bil-bravura tiegħek, jew b’li tivvinta minn żniedek, iżda minn Alla, u l-pjan hu li takkwistaha llum, mhux wara ħajja twila.
Dan il-kliem qalu liż-żgħażagħ miġbura quddiemu, waqt l-attività jisimha Encounter.
Dil-laqgħa ssir mill-Kumissjoni tal-Knisja għaż-Żgħażagħ (MYCN) kull sena, u tinfirex fuq jumejn, b’għadd ta’ attvitajiet għaż-żgħażagħ.
L-għan ta’ din l-inizjattiva dejjem tkun li tlaqqa’ ż-żgħażagħ ma’ Alla, maż-żgħażagħ Kattoliċi, mas-soċjetà, u mal-Knisja.
Fl-omelija tiegħu, Mons. Scicluna rrefera għall-qari mill-Iskrittura, jiġifieri dak tat-tħabbira tad-dixxipli ta’ Emmaws lill-bqija tal-appostli.
Sostna li Ġesù wera lilu nnifsu lilhom bħala rxoxt, u xhueda tar-rebħa u l-ħniena tiegħu kienu l-ġrieħi stess.
Hawnhekk l-Arċisqof staqsa liż-żgħażagħ x’għatx hemm.
Qal li kulħadd ikollu l-għatx għall-paċi, is-serħan u l-ferħ, iżda rrimarka li dawn huma biss is-sintomi ta’ għatx akbar, l-għatx għal Alla.
Irrefera wkoll għall-aħħar eżortazzjoni appostolika tal-Papa Franġisku, Gaudete et Exsultate, jiġifieri Ifirħu u Thennew, u li fiha jsejjaħ għall-qdusija.
Temm isemmi tweġiba mingħand saċerdot meta staqsewh min hu Alla, u dan weġibhom “Alla hu t-tgħanniqa tal-imħabba.”
Ritratt: Ian Noel Pace