Filmat: L-Arċisqof iħeġġeġ lill-Insara li qed ibatu miegħu biex ma jaqtgħux qalbhom

L-Arċisqof Pawlu Cremona ħeġġeġ lill-Insara li qed ibatu miegħu għat-tisħiħ tal-Knisja Maltija, biex ma jaqtgħux qalbhom u, bħall-Insara li qed jagħtu kollox f’pajjiżi oħra, iżommu sħiħ sal-aħħar.
Filwaqt li għamlilhom kuraġġ, l-Arċisqof qal li “bit-tbatija tagħna qed tinbena u tissaħħaħ il-Knisja tagħna!”
L-Arċisqof kien qed jitkellem fis-Santwarju tal-Mellieħa, waqt il-velja ta’ talb għall-paċi fid-dinja u għall-Insara ppersegwitati fejn inġabru aktar minn elf persuna.
Irrefera għall-Insara li qed jinqatlu f’pajjiżi oħra u fakkar fis-sentimenti li jwasslu għal din il-vjolenza: in-nuqqas ta’ tolleranza, il-kilba għall-poter, l-għira u l-mibegħda li ġġiegħel persuna tħares lejn ħaddieħor bħala għadu milli bħala ħuha għax hi ħolqien t’Alla bħalha.
Wera t-tama li l-Insara Maltin jinbnew b’sentimenti ta’ tolleranza, ta’ mogħdrija, ta’ maħfra, ta’ mħabba u ta’ ġenerożità biex ma jfittxux il-ġid tagħhom biss imma jfittxu wkoll il-ġid tal-oħrajn.
Irringrazzja ’l Alla li f’Malta hawn ħafna Nsara li qegħdin ibatu fil-Knisja u għall-Knisja. L-Arċisqof irringrazzja wkoll lis-saċerdoti, kappillani u oħrajn li jaħdmu f’sitwazzjonijiet diffiċli.
Sellem ukoll lil-lajċi li jaħdmu b’sagrifiċċji kbar għall-Knisja, kif ukoll lill-ġenituri li jagħtu ħajjithom għal uliedhom u jgħaddu l-Fidi Nisranija.
Bħala turija ta’ solidarjetà, il-flus li nġabru waqt il-velja se jmorru għall-bżonnijiet tal-Insara ppersegwitati.

Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja