L-Arċisqof iħeġġeġ l-għalliema jiffaċilitaw il-laqgħa tal-istudenti ma’ Ġesù

L-Arċidjoċesi ta Malta

Read in English.

Waqt ċelebrazzjoni reliġjuża fil-Katidral tal-Imdina l-Arċisqof Charles Scicluna ħeġġeġ lill-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja u l-edukaturi li kienu preżenti biex fil-ħidma edukattiva tagħhom jimxu fuq il-linji gwida mogħtija minn Papa Franġisku fl-eżortazzjoni appostolika Kristu Jgħix.

L-Arċisqof ħeġġiġhom biex jiffaċilitaw il-laqgħa tal-istudenti ma’ Ġesù. Hu spjega kif l-edukaturi għandhom jaħdmu flimkien biex jikkomponu melodija u armonija li tkun attraenti u li ssaħħar liż-żgħażagħ lejH. L-Arċisqof qal li l-istruttura edukattiva, il-kultura li tiġi mgħallma fil-klassi u ċ-ċelebrazzjonijiet li l-għalliema jagħmlu mal-istudenti, huma kollha modi ta’ kif wieħed jippromovi, jinkoraġixxi u jiċċelebra il-laqgħa tal-istudenti u tal-familji tagħhom mal-persuna ta’ Ġesù.

Hu spjega kif aktar ‘il quddiem din se tkun sfida akbar għaliex fost affarijiet oħra, it-tfal qed jikbru f’familji fejn il-ġenituri mhux bilfors ikunu lesti jew kapaċi li jgħaddulhom il-fidi. Għalhekk l-Isqof stqarr kif l-iskola se tkun ukoll qasam essenzjali mhux biss fil-kultura tal-istudenti iżda għanka fl-evanġelizzazzjoni.

L-Arċisqof irringrazzja lil dawk kollha preżenti għall-ħidma tagħhom b’mod partikulari lil dawk li rtiraw: Sr Antoinette Pace, Marisa Ellul u Manwel Micallef. Hu rringrazzja wkoll lis-Sorijiet Agostinjani għal 125 sena ta’ ħidma edukattiva f’Malta.

In-Nunzju Appostoliku Alessanrdro D’Enrico informa lil dawk preżenti li l-kummissjoni konġunta dwar il-laptops għall-edukaturi fl-iskejjel tal-Knisja kkonkludiet il-ħidma tagħha u li fi ftit ġimgħat oħra se jitħabbar ir-riżultat. Huwa rringrazzja lill-membri tal-kummissjoni li rrappreżentaw lill-Knisja: Fr Jimmy Bartolo, Fr Charles Mallia, Fr David Cilia u l-Avukat Robert Tufigno.

Għal din il-laqgħa organizzata mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika kienu preżenti wkoll l-Isqof Mario Grech, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, kapijiet u superjuri reliġjużi tal-iskejjel tal-Knisja, u uffiċjali għolja tad-direttorati tal-edukazzjoni.

Fi tmiem iċ-celebrazzjoni dawk preżenti ngħataw kopja tal-Eżortazzjoni appostlika tal-Papa Franġisku Christus Vivit.