L-Arċisqof iħabbar Pellegrinaġġ Nazzjonali għall-14 ta’ Settembru

L-Arċisqof Charles Scicluna ħabbar li fl-14 ta’ Settembru li ġej se jiġi organizzat Pellegrinaġġ Nazzjonali bil-Kurċifiss Mirakoluż. Huwa ħabbar dan f’Jum id-Duluri waqt Quddiesa li xxandret LIVE mill‑Knisja ta’ Ġieżu, il‑Belt Valletta.

Huwa spjega li dan se jiġi organizzat jekk sa dakinhar, l-awtoritajiet ikunu taw l-approvazzjoni tagħhom għall-manifestazzjonijiet bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

Fl-Omelija tiegħu, l-Arċisqof talab għall-anzjani li minħabba direttivi tal-awtoritajiet minħabba saħħithom huma mitlub li jibqgħu f’darhom. Huwa qal li ta’ kull sena l-Maltin u l-Għawdxin ifakkru lill-Madonna tad-Duluri f’din il-ġurnata bil-Purċissjoni penitenzjali iżda qal li bħalissa dan huwa mument iebes għal kulħadd.

Huwa talab ukoll għall-202 persuni li ntlaqtu mill-coronavirus f’Malta. L-Arċisqof awguralhom is-saħħa u qal li “bl-għajnuna ta’ Alla ngħaddu minn din il-burraxkat li ħakmet lil Malta u lid-dinja”. L-Arċisqof sellem ukoll lill-professjonisti tas-saħħa li qal li huma qrib is-salib ta’ ħafna morda.

Quddiem il-Kurċifiss Mirakoluż fil-Knisja Ta’ Ġieżu huwa rringrazzja lill-membri kollha tal-Arċikonfraternità tas-Santissimu Kurċifiss u lill-Patrijiet Franġiskani li aċċettaw li jsir dan l-Pellegrinaġġ.

L-Arċisqof Scicluna qara wkoll it-talba f’forma ta’ poeżija miktuba minn Rużar Briffa, “L-Għanja ta’ l-Imnikket”: