“Il-Mulej ibegħidna mill-mibegħda u minn kull intolleranza” – L-Arċisqof

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=p5svBirH0Oc]

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li fil-ħniena tiegħu l-Mulej ibegħidna mill-mibegħda u minn kull intolleranza.
Waqt li kien qiegħed jiċċelebra t-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej, Mons. Scicluna qal li l-Ewkaristija tisfidana biex nippurifikaw u nwessgħu  l-imħabba tagħna. 
Spjega li Ġesù Kristu jagħtina spirtu umli sabiex nilqgħu lil xulxin bi mħabba anke lil dawk li ma jaqblux magħna jew ma għandhomx il-kultura tagħna.
Fil-ħsieb tiegħu, Mons. Scicluna qal li Ġesù qabel ma miet iddeċieda li l-kalċi tal-ikla tal-Għid isir kalċi tax-xirka, ta’ komunjoni mad-demm tiegħu stess.
“Id-demm ifisser il-ħajja”
Mons. Scicluna spjega li d-demm ifisser il-ħajja u bit-tixrid ta’ demmu Ġesù tana l-ħajja.
Qal li bl-aġir tiegħu, Ġesù wera l-imħabba tiegħu, liema mħabba m’għandhiex kejl għax m’hemmx imħabba akbar min dik li wieħed jagħti ħajtu għal maħbubin tiegħu.
Żied jgħid li Alla sar bniedem u miet biex aħna ma mmutux.
“Ġesù ta sinifikat ġdid lill-kultura Orjentali tal-ospitalità”
Hekk kif fiċ-ċelebrazzjoni tal-lum, il-Knisja tfakkar ukoll meta Ġesù ħasel riġlejn l-Appostli, Mons. Scicluna spjega li dan il-ġest mhux biss huwa rit imma wkoll stedina biex aħna nkunu nistgħu nagħlqu l-bieb tat-triq u niltaqgħu flimkien bħal aħwa għall-ikla.  
Dan hekk kif it-tgeġġwija tat-trab u l-ħmieġ tat-triq kellhom jinħaslu biex imbagħad joqogħdu flimkien.
Spjega li bil-ġest tiegħu, Ġesù ta sinifikat ġdid lill-kultura Orjentali tal-ospitalità.
Dan hekk kif fl-Orjent ma tikolx ma’ min ma taqbilx miegħu għax jekk tistiednu għal ikel tkun dħalt f’patt miegħu ta’ lealtà u ta’ mħabba.
Mons. Scicluna spjega li l-akbar tradiment għall-ospitalità hija li tibdilha fi qtil, kif seħħ fl-aħħar ċena, fit-traġedja umana tat-tradiment.
Żied jgħid li Alla, li sar bniedem, iddeċieda li jaħslilna saqajna, jippurfikana, iġeddidna u jaħfrilna dnubietna sabiex jippreparana biex inkunu miegħu fuq il-medja tal-komuninjoni, tat-tqarbin li jqarribna miegħu.

Ritratti: Ian Noel Pace