Ritratti: L-Arċisqof ibierek lill-pajjiż mit-taraġ tal-Kurja

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna llum ħareġ fuq it-taraġ tal-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana b’Ġesù Ekwaristija biex ibierek lill-pajjiż. Dan seħħ dalgħodu fi tmiem il-Quddiesa tal-Għid tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet.

Fit-talba tal-barka li għamel f’jum l-Għid il-Kbir, l-Arċisqof talab biex il-Mulej ibierek lill-pajjiż, il-morda u lil dawk kollha li qed jieħdu ħsiebhom. Talab biex jagħti d-dehen u s-saħħa u l-qalb biex kulħadd jagħmel dak kollu li jista’ biex din il-burraxka tgħaddi kemm jista’ jkun malajr. Talab ukoll għad-dehen u s-saħħa biex kulħadd jagħraf x’inhu dak li jibqa’ għal dejjem u dak li hu frugħa u jispiċċa malajr.

Wara l-Quddiesa, l-Arċisqof mar il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana. Hemmhekk żar il-kappella tad-Depot fejn irringrazzja, talab u bierek lill-Pulizija u l-forzi tal-ordni kollha ta’ pajjiżna u l-familji tagħhom.