“L-Arċisqof għandu jiġi rikonoxxut għall-kuraġġ li għandu” – TMI

L-Arċisqof Charles Scicluna huwa mexxej li għandu jiġi rrispettat u rikonoxxut għall-kuraġġ li għandu biex jitkellem fuq diversi aspetti.
Dan fi kliem l-editorjal tal-ġurnal The Malta Independent, li jgħid li Mons. Scicluna kien fuq quddiem biex jitkellem dwar diversi aspetti fosthom il-kaċċa, l-ambjent u l-libertajiet ċivili.
“L-attakki fuq l-Arċisqof żiedu r-rispett tagħna lejh”
L-editur ikkundanna bla riserva dawk li sejħilhom bħala attakki brutali fil-konfront tal-Arċisqof mill-ġurnal L-Orizzont u l-Eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Tony Zarb. Huwa qal li dawn l-attakki komplew iżidu r-rispett u s-simpatija ta’ The Malta Independent lejn l-Arċisqof. Madanakollu esprima wkoll il-fehma li dwar ċertu punti ma jaqbilx miegħu.
“Ma nistennewx li l-Arċisqof imur kontra t-tagħlim tal-Knisja”
Għalkemm wera nuqqas ta’ qbil dwar dak li Mons. Scicluna qal fil-festa ta’ San Nikola fis-Siġġiewi. L-editorjal saħaq li ma jistenniex li l-Arċisqof imur kontra t-tagħlim tal-Knisja Kattolika.  Saħaq li ħadd ma jistenna li l-Arċisqof ma jipparteċipax fid-djalogu fis-soċjetà u li ma jippreżentax il-pożizzjoni tal-Knisja.
Huwa semma dak li qal l-Arċisqof: li Alla ħoloq iż-żwieġ għal mara u raġel biex ikattru l-ulied. Dwar dan huwa staqsa kif l-Arċisqof jgħaqqad l-argument tiegħu ma’ dawk il-koppji li ma jistgħux ikollhom tfal.
“X’inhi d-differenza bejn it-tfal li twieldu b’mod naturali u dawk bl-IVF?”
L-editorjal irrefera wkoll għall-istqarrija li għamel l-Arċisqof li l-użu tat-teknoloġija huwa traġiku, għax it-tfal huma rigal ta’ Alla. Huwa staqsa jekk Mons. Scicluna jifhimx u jempatizzax mal-koppji li jkunu iridu jrabbu t-tfal biex jagħtuhom l-imħabba u jrabbuhom fil-fidi ta’ Alla. Staqsa wkoll x’inhi d-differenza bejn dawk it-tfal li twieldu b’mod naturali u dawk li twieldu bl-IVF.
Mons. Scicluna kien diġà wieġeb din il-mistoqsija, f’quddiesa waqt il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi għal Angela House, fl-2015. Huwa kien qal li kull tarbija, anke jekk ma tkunx fil-ġuf u ġiet ikkonċeputa fil-laboratorju, anke permezz tal-prattika tal-IVF, hija ħlejqa u għandha d-dinjità tagħha.
L-editorjal ikompli jinnota li l-Arċisqof irid iqis kliemu għax jista’ jweġġa’ koppji vulnerabbli li ma jistax ikollhom ulied u sinċerament jixtiequ jimxu fuq il-passi tat-tagħlim tal-Knisja.
Il-ġurnal tkellem ukoll dwar il-koppji gays li qed jaddottaw. Huwa nnota li l-Knisja permezz tal-istituti tagħha kabbret u tat dinjità lil ħafna tfal u ħarġu mill-istituti ċittadini onesti. Fl-isfond ta’ dan huwa staqsa għala hija diffiċli biex wieħed jifhem li koppja tal-istess sess tista’ tagħmel l-istess. Saħaq li t-trobbija tat-tfal m’għandhiex tiddependi fuq is-sesswalità tal-koppja iżda fuq jekk il-koppja hiex adegwata biex trabbi.