L-Arċisqof għall-Vatikan; Iż-żgħażagħ diskussi f’Sinodu

Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna llum ħalla Malta sabiex imur il-Vatikan f’Ruma biex jieħu sehem fil-15-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet fil-Vatikan. It-tema tas-Sinodu hija “Iż-Żgħażagħ, il-Fidi u d-Dixxerniment Vokazzjonali” u se jibda minn għada u jibqa’ sejjer sal-Ħadd 28 ta’ Ottubru.

Fi stqarrija mill-Arċidjoċesi ta’ Malta ġie spjegat kif 165 isqof se jkunu qed jattendu għas-Sinodu msejjaħ mill-Papa Franġisku, u magħhom se jissieħbu wkoll għadd kbir ta’ żgħażagħ minn madwar id-dinja. Flimkien se jkunu qed jiddiskutu kif il-Knisja twassal il-messaġġ tagħha lill-ġenerazzjoni żagħżugħa u kif iż-żgħażagħ jistgħu jwasslu l-Evanġelju huma wkoll.

F’Ottubru tal-2016, il-Papa Franġisku ħabbar li ż-żgħażagħ se jkunu l-protagonisti tal-Knisja matul l-2018. L-Arċidjoċesi spjegat kif fix-xhur ta’ qabel is-Sinodu, l-isqfijiet u l-entitajiet tad-djoċesijiet li jaħdmu maż-żgħażagħ iddiskutew magħhom l-aspettattivi, il-bżonnijiet, ix-xewqat, il-biżgħat u r-relazzjonijiet tagħhom fid-dinja tal-lum. Dan sar f’Malta wkoll permezz ta’ serje ta’ laqgħat li għamel l-Arċisqof Scicluna ma’ żgħażagħ li ġejjin minn realtajiet differenti u permess ta’ attivitajiet imħejjija mill-Malta Catholic Youth Network (MCYN).

Intant, bi tħejjija għas-Sinodu, 300 żagħżugħ u żagħżugħa, fosthom id-delegat tal-Arċisqof għaż-żgħażagħ, Benjamin Flores-Martin, f’Marzu kienu ltaqa’ mal-Papa Franġisku sabiex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom fil-ħajja Nisranija. Il-laqgħa wasslet sabiex jitfassal dokument li serva bħala bażi għas-Sinodu.