L-Arċisqof għaċ-Ċilì t-Tlieta wara telefonata personali mill-Papa

L-Arċisqof Charles Scicluna se jasal iċ-Ċilì nhar it-Tlieta biex iwettaq il-missjoni li tah il-Papa Franġisku.
Skont stqarrija tal-Knisja fiċ-Ċilì, iż-żjara tintemm fid-19 ta’ Ġunju. Wara jumejn f’Santiago, il-belt kapitali taċ-Ċilì, l-Arċisqof imur fid-djoċesi ta’ Osorno, iċ-ċentru tal-kontroversji dwar l-iskandlu tal-ħabi tal-abbużi sesswali. L-Arċisqof se jkun akkumpanjat mill-Mons. Jordi Bertomeu, li kien anke akkumpanjah fl-ewwel żjara tiegħu fiċ-Ċili. 
Sorsi qalu ma’ Newsbook.com.mt li kien il-Papa, li personalment ċempel lill-Arċisqof Scicluna u talbu biex jerġa’ jmur iċ-Ċilì biex ikompli, għalkemm b’differenza, il-missjoni li kien beda fil-15 ta' Frar li għadda.
Din id-darba, qalulna l-istess sorsi, l-Arċisqof mhux sejjer iċ-Ċili biex jiġbor ix-xhieda iżda biex jgħin fil-fejqan tal-ġerħa l-kbira li nħolqot wara li  l-abbużi sesswali li kienu saru minn membri tal-kleru kienu nħbew mill-Knisja. Kien wara li l-Arċisqof temm il-missjoni tiegħu u ppreżenta rapport lill-Papa li bdew jittieħdu passi, fosthom li l-isqfijiet kollha taċ-Ċilì rriżenjaw. L-istess sorsi komplew jgħidu li fid-djoċesi ta’ Osorno l-Arċisqof mistenni li jmexxi f’isem il-Papa ċerimonji liturġiċi ta’ rikonċiljazzjoni.
Skont intervista li l-kanonista Alejandro Álvarez ta lill-midja fiċ-Ċilì, tul din iż-żjara x’aktarx  li se jitħabbru wkoll xi deċiżjonijiet tal-Papa wara li 34 Isqof Ċilen offrew ir-riżenja tagħhom.
Skont  Alejandro Álvarez waqt li jkun f’Santiago, l-Arċisqof Scicluna jikkordina d-dettalji taż-żjara man-Nunzju Appostoliku Mons. Scapolo, għalkemm kompla Alvarez mhux eskluż li jkun Scicluna li jinforma lil Scapolo b’ċerti deċiżjonijiet li se jieħu l-Papa.