L-Arċisqof Frendo trasferit għal sptar fl-Italja minħabba l-Covid-19

Read in English.

L-Arċisqof George Frendo ġie trasferit għall-isptar ta’ Puglia fl-Italja wara li rriżulta li għandu l-coronavirus.

Mons. Frendo huwa l-Arċisqof ta’ Tirana fl-Albanija, u ilu jokkupa din il-kariga mill-2016.

Huwa ttieħed l-isptar wara li żviluppa kumplikazzjonijiet respiratorji. Ġie trasferit flimkien mal-Kapuċċin Fr Bonaventura b’ajruplan militari Taljan. Dan sar bl-inizjattiva tal-awtoritajiet f’Puglia.

L-Arċisqof għandu 74 sena.

Ilbieraħ l-Uffiċċju tal-Kurja f’Tirana ħabbar li l-Arċisqof Frendo rriżulta fil-pożittiv għall-Covid-19 u li qed jimmoniterjaw il-kundizzjoni tiegħu. Filgħaxija, imbagħad, ġie deċiż li jittieħed l-isptar b’rakkomandazzjonijiet tat-tobba.

In-nies intalbu jitolbu għall-fejqan ta’ malajr tal-Arċisqof.

Huwa twieled fl-4 ta’ April 1946 f’Ħal Qormi u ġie ordnat saċerdot fl-1969. Wara ħidma pastorali f’Malta huwa ġie kkonsagrat Isqof Awżiljarju ta’ Tirana fl-2006 u fl-2016 ġie appuntat Arċisqof tal-istess Djoċesi.

F’Novembru, il-każijiet ġodda ta’ coronavirus fl-Albanija splodew ‘il fuq hekk kif hemm aktar minn 12,700 każ attiv.