L-Arċisqof fiċ-Ċilì: “Impenn temporanju imma jista’ jieħu ftit fit-tul”

Fr Brendan Gatt, li ftit tal-jiem ilu nħatar Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal Ekkleżjastiku tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, qal li l-impenn li ta l-Papa lill-Arċisqof Charles Scicluna huwa wieħed temporanju ta’ xi ġranet, li iżda tista’ tieħu ftit aktar fit-tul jekk ikun hemm xi żvolta mhux mistennija fil-każ.
Semma kif jekk tinqala' xi informazzjoni ġdida, l-Arċisqof jista' jkun li jkollu jmur Ruma qabel ma jirritorna Malta. Madankollu assigura li Mons. Scicluna se jerġa' lura fil-kontinent Ewropew.
Żied jgħid li dil-ħatra, deskritta bħala “delikata”, tista’ tħares lejh bħala sagrifiċċju, iżda huwa wkoll preġju li Franġisku għażel lil Mons. Scicluna, għax dan juri li l-Arċisqof ta’ Malta huwa stmat ħafna fil-Knisja.
Fr Brendan kien qed jirreferi għall-ħatra ta’ Mons. Scicluna sabiex imur iċ-Ċilì u hemmhekk jisma' lil dawk li wrew ix-xewqa li jagħtu informazzjoni dwar l-Isqof ta' Osorno, Juan de la Cruz Barros Madrid.
Dan l-Isqof kien ġie kkritikat ħafna mill-poplu, kemm meta laħaq isqof ta’ din il-belt, u anki riċentement waqt iż-żjara ta’ Franġisku fiċ-Ċilì.
L-allegazzjonijiet huma li dan l-Isqof kien jaf b’saċerdot li allegatament kien qed jabbuża sesswalment minn minorenni, iżda ħbielu.
Fr Brendan spjega li din hi missjoni delikata li l-Papa afda f’idejn Mons. Scicluna, li jrid imur f’dan il-pajjiż jisma’ lil dawk il-persuni li lesti jgħaddulu aktar informazzjoni dwar il-każ.
Il-Vigarju qal li din mhix art ġdida għall-Arċisqof, u lanqas xi pjaċir, għax hu diġà membru fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, jiġifieri l-grupp li jinvestiga u jasal għal konklużjonijiet fuq dawn il-każijiet gravi.
Mons. Scicluna huwa l-President tat-Tribunal Intern fi ħdan din il-Kongregazzjoni, u ħadem ħafna fil-kamp tal-abbużi sesswali mal-Papa Emeritu, Benedittu XVI.
Il-Vigarju Gatt fiehem li dan it-tribunal jittratta każijiet meta l-persuna li tkun akkużata titlob lis-Santa Sede terġa’ tikkunsidra mill-ġdid xi deċiżjoni, u dan hu proprju xogħol l-Arċisqof ta’ Malta li jisma’ dawn l-appelli, u hekk se jkun qed jagħmel fiċ-Ċilì.
“Għalhekk din hi missjoni ideali għal Mons. Scicluna, anzi l-Monsinjur ideali għal din il-missjoni”, irrimarka Fr Brendan.
Temm jgħid li l-ħatra tal-Papa turi li jrid jisma’ l-vuċi ta’ min bata.