L-Arċisqof fiċ-Ċilì: Ċans li jibdew investigazzjonijiet oħra

L-Arċisqof Charles Scicluna jihder li mar oltrè l-missjoni li fdalu l-Papa Franġisku fiċ-Ċilì, hekk kif mhux biss qed jiltaqa’ mal-vittmi tal-allegat abbużi sesswali tas-saċerdot Karadima, iżda ltaqa’ wkoll ma’ vittmi tal-Patrijiet Maristi.
Dawn il-laqgħat tal-Arċisqof jistgħu jiskattaw investigazzjonijiet oħra mill-Vatikan, speċjalment wara li l-vittmi ta’ dawn l-abbużi talbu li l-Vatikan jappunta kummissjoni speċjali li tanalizza, tistudja, tinvestiga u finalment tissanzjona lil kull patri f’din il-kongregazzjoni Marista.
Kelliem għal grupp ta’ eksstudenti li kienu jiġu abbużati, hu wkoll vittma, Isaac Givovich, qal li mhux sewwa li bħalissa hemm patri Marista li qed jindaga, la hu parti mill-istess kongregazzjoni.
Uħud min-nies li l-Arċisqof ta’ Malta ltaqa’ magħhom qalu wara lill-midja kemm ħassewhom sodisfatti bil-mod kariżmatiku kif sema’ x’kellhom jgħidu, u qalu li għalihom dik il-laqgħa u l-ġurnata kienu verament avvenimenti storiċi li forsi jwasslu biex jiċċaqlaq xi ħaġa.
Sadanittant, Mons. Scicluna kellu f’moħħu wkoll li jiltaqa’ ma’ persuni li qed jallegaw abbużi sesswali mill-kongregazzjoni tas-Sależjani fil-pajjiż.
L-Arċisqof diġà ltaqa’ mal-Isqof ta’ Osorno, Juan de la Cruz Barros, li jinsab ukoll fiċ-ċentru tal-kontroversja flimkien mas-saċerdot Karadima, għax l-abbużati qed jallegaw li dan l-isqof kien jaf b’kulma kien qed jagħmel is-saċerdot, iżda ħbielu.
L-Arċisqof Charles Scicluna mistenni jibda l-vjaġġ tieħu lura Malta għada filgħaxija.