​“L-Arċisqof fetaħ għajnejn il-Papa” – vittma ta’ abbuż sesswali

Wieħed mill-vittmi tal-abbuż sesswali mill-kleru fiċ-Ċilì stqarr li kien l-Arċisqof Malti Charles Scicluna li fetaħ għajnejn il-Papa Franġisku dwar dak li għaddew minnu.
Mons. Scicluna, meqjus bħala l-aktar investigatur esperjenzat fil-qasam,  kien il-mibgħut speċjali tal-Papa fiċ-Ċilì biex jinvestiga dan l-abbuż.
L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters irrappurtat kif waqt konferenza tal-aħbarijiet emozzjonali, tlieta mill-vittmi tal-abbuż sesswali fakkru kif l-Arċisqof Scicluna ħejja rapport ta’ 2,300 paġna. Saħqu li dan ir-rapport wassal biex il-Papa jsejjaħ lill-isqfijiet għal laqgħa dan ix-xahar.
Għall-mistoqsija dwar x’għandu jagħmel il-Papa f’dan l-istadju, wieħed mill-vittmi qal, “Qed nistennew li tittieħed azzjoni”.
Wara erbat ijiem ta’ laqgħat privati mal-Papa, it-tliet vittmi, Juan Carlos Cruz, James Hamilton u Josè Andres Murillo qalu li jridu li tittieħed azzjoni kontra l-Isqof Juan Barros u isqfijiet oħra li għattew l-abbuż sesswali li sar fuq minorenni minn Dun Fernando Karadima.
Hamilton spjega kif meta mar għall-għajnuna għand uffiċjali tal-Knisja fiċ-Ċilì, meta kien qed iħossu qed imut minn ġewwa, reġgħu qatluh għat-tieni darba. Huwa qal li l-isqof li injorah minkejja li kien hemm evidenza ċara kontra Karadima, għandu jintbagħat il-ħabs, flimkien ma’ oħrajn.
It-tliet vittmi qalu kif għal kważi 10 snin, kienu trattati bħala għedewwa minħabba li kienu qed jiġġieldu kontra l-abbuż sesswali fil-Knisja.
“Il-Papa qalilna li hu kien parti mill-problema”
Il-Papa Franġisku qalilhom li hu kien parti mill-problema u skuża ruħu magħhom talli ma tax importanza lill-akkużi li isqfijiet kattoliċi kienu qed jaħbu l-abbuż.
Spjegaw kif waqt diskussjonijiet twal, Franġisku kien attent u wera empatija lejhom.
Cruz stqarr li qatt ma ra xi ħadd iddispjaċut u mweġġa’ daqs kemm ra lill-Papa f’dawn il-laqgħat.
Ritratt: Reuters