L-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona jagħlaq 74 sena

L-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona llum jagħlaq 74 sena.

Mons. Cremona kien ikkonsagrat isqof fis-26 ta’ Jannar 2007 u mexxa l-Arċidjoċesi ta’ Malta sat-18 ta’ Ottubru 2014. Huwa kien, u għadu, maħbub ferm mill-poplu Malti u Għawdxi.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt is-sena li għaddiet, Mons. Cremona kien stqarr li l-aktar żmien li kien kuntent kien meta kien jirnexxilu jġib il-kuntentizza qalb in-nies, huma min huma. Waqt li kien qed jaċċetta l-missjoni tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta, sostna li maż-żmien irrealizza kemm din kienet se tieħdu ‘l bogħod mill-ħidma pastorali li tant kien iħobb. Madanakollu qal li meta ħa l-kariga tiegħu ipprova jfiehem lilu nnifsu li ma setax jirranġa dak kollu li kien hemm ħażin fid-dinja, iżda seta’ jiddedika l-enerġija tiegħu lill-poplu Malti u Għawdxi.

Mons. Cremona twieled il-Belt Valletta fil-25 ta’ Jannar 1946. Daħal fl-Ordni Dumnikan f’Settembru tal-1962 u sena wara għamel il-Professjoni fl-istess Ordni. Huwa studja l-Filosofija u t-Teoloġija fil-Kulleġġ ta’ San Tumas ta’ Akwinu fil-kunvent tad-Dumnikani tar-Rabat u ġie ordnat saċerdot fit-22 ta’ Marzu 1969 mill-Arċisqof Mikiel Gonzi.

Is-sena li għaddiet għalaq 50 sena mill-ordinazzjoni presbiterali tiegħu.