L-Arċisqof Emeritu jiddomina l-gazzetti tal-Ħadd

Wara li lbieraħ in-Nunzju Appostoliku Aldo Cavalli ħabbar li l-Papa Franġisku aċċetta r-riżenja ta’ Monsinjur Pawlu Cremona O.P, l-Arċisqof Emeritu ddomina l-gazzetti lokali tal-Ħadd.
Fil-faċċata ta’ The Sunday Times of Malta artiklu jitkellem dwar il-kummenti ta’ Monsinjur Cremona waqt il-konferenza li saret ilbieraħ fil-Kurja u li matulha qal li għalkemm kien għajjien dejjem għamel mill-aħjar li seta’ biex jaqdi d-dmirijiet tiegħu, għalkemm xi kultant għamel dan bi tbatija. F’paġni oħra tal-gazzetta artiklu jirrapurta li s-suċċessur ta’ Cremona se jintgħażel f’dawn il-ħames xhur u ieħor jagħti ħarsa lejn id-diffikultajiet li l-Arċisqof Emeritu kellu jaffaċċja fl-aħħar tmien snin.
Il-gazzetta Malta Today ukoll iffukat fuq il-kummenti tal-Arċisqof Emeritu li qal “ninsab ċert li għamilt l-aħjar deċiżjoni.” L-artiklu jinkludi wkoll il-biografija ta’ Monsinjur Cremona. The Malta Indepedent semmiet il-pariri li Cremona wassal lis-suċċessur tiegħu filwaqt li il-Mument ikkwotatu jgħid li l-isbaħ mumenti fl-aħħar snin għalih kienu meta “stajt intaffi t-tbatija tan-nies fiż-żjajar li għamilt fid-dar tal-familji.”
Fil-faċċata tal-gazzetta Illum, jolqot l-għajn ir-ritratt ta’ Monsinjur Cremona u l-artiklu jispjega kif kien ilu sentejn jiddixerni r-riżenja tiegħu. Jikkwota wkoll lill-Arċisqof Emeritu meta spjega li spiċċa eżawrit speċjalment wara l-kampanja tad-divorzju.
It-Torċa spjegat kif għalkemm il-kritika fuq it-tmexxija tal-Arċisqof Cremona ma kinitx il-motivazzjoni ewlenija li wasslet għar-riżenja tiegħu, fi kliemu stess din setgħet ħaffet id-deċiżjoni. L-artiklu li jkompli f’paġna 3 jinkludi wkoll x’qal l-Amministratur Appostoliku Charles J. Scicluna li ddeskriva lil Cremona bħala “il-vescovo buono.”
Il-Kulħadd ħadet perspettiva differenti u spjegat kif fil-liġi ta’ Malta hemm imniżżel li l-Arċisqof jista’ jintgħażel mill-Prim Ministru. Napuljun kien ried li l-Isqfijiet ta’ Malta joperaw mill-pajjiż u ma jkunux magħżula minn Ruma. Għalkemm sal-lum din il-liġi għadha valida, Dr Franco Debono qal mal-gazzetta li din il-liġi hija waħda mis-sensiela tal-liġijiet bil-possibilità li jiġu mibdula.
Intant ftit wara li r-riżenja daħħlet fis-seħħ, il-mexxejja tal-pajjiż sellmu lill-Arċisqof Emeritu. Min-naħa tiegħu huwa wkoll kiteb ittra li fiha rringrazja lis-Saċerdoti Maltin.
Ilbieraħ ġie mħabbar ukoll l-Isqof Awżiljarju Charles Scicluna ġie maħtur Amministratur Appostoliku sakemm ikun magħżul l-Arċisqof il-ġdid. Fl-ewwel ċirkolari tiegħu f’din il-kariga, huwa ħeġġeġ biex nhar ta’ Ħamis issir quddiesa b’talb speċjali għall-għażla tal-Arċisqof.