L-Arċisqof Emeritu f’Lourdes ma’ 192 Malti

192 pellegrin Malti ħadu sehem f’pellegrinaġġ f’Lourdes immexxi mill-Arċisqof Emeritu Mons Pawlu Cremona organizzat mill-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes (AVL).

Dan il-pellegrinaġġ għall-morda li jsir kull sena sar bejn it-30 ta’ Awwissu u l-4 ta’ Settembru li għadda.

Minbarra l-pazjenti, il-grupp kien magħmul minn voluntiera fosthom żgħażagħ, tobba, infermiera, carers u saċerdoti. Kull pazjent kellu wieħed jew żewġ carers miegħu skont il-każ. Kien hemm ukoll tobba u infermiera mir-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei li raw li pazjenti seta’ jkollhom trattament tad-Dialysis tul iż-żjara tagħhom f’Lourdes.

Il-grupp ħa sehem fil-purċissjoni Aux Flambeaux fejn Mons Cremona ta l-barka fit-tmiem tagħha, fil-Via Sagra kif ukoll fil-quddiesa internazzjonali li kienet iċċelebrata l-Ħadd. Ġiet iċċelebrata wkoll quddiesa bil-Malti fil-grotta stess.

Kull sena, l-Assoċjazzjoni tgħin persuni morda biex jagħmlu l-vjaġġ minn Malta għall-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes, fejn dehret għall-ewwel darba lil Bernardette Soubirous fil-11 ta’ Frar tal-1858. L-Assoċjazzjoni tippromwovi d-devozzjoni universali lejn il-Madonna, torganizza u tikkordina pellegrinaġġi f’Lourdes għall-morda. Iġġib ukoll flimkien persuni dedikati u ispirati mill-karità biex ikunu voluntiera biex jgħinu il-morda matul il-pellegrinaġġi.

Minn jixtieq jingħaqad mal-Assoċjazzjoni għall-pellegrinaġġ tas-sena d-dieħla f’Lourdes, jistgħu jidħlu fil-paġna ta’ Facebook tal-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes – AVL.