Filmat: “X’tagħmel kieku t-tifel f’nofs ta’ baħar ikun tiegħek?”

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lil kulħadd biex meta jħares lejn immigranti f’periklu jistaqsi lilu nniffsu, “X’nagħmel kieku t-tifel f’nofs ta’ baħar kien tiegħi?”

Mons. Scicluna kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg waqt xandira diretta ta’ Newsbook Q&A dalgħodu.

L-Arċisqof qal li meta jħares lejn ċertu diskors ħiereġ miċ-ċittadini Maltin jinkwieta. Qal li meta wieħed jaqra kummenti razzisti online, partikolarment fuq artikli li għandhom x’jaqsmu mal-immigranti, dawn ġeneralment ikunu aktar frott tal-injoranza tal-persuna milli ta’ mibgħeda. Irrimarka li ma jaħsib li bniedem għaref jasal biex jgħajjar lil xi ħadd. Insista li jinkwieta għax minkejja li hawn ħafna li jgħidu li huma reliġjużi, din ir-reliġjożita ħafna drabi tibqa’ fuq il-qoxra.

“Jinsabu f’periklu imminenti; dover li nsalvawhom”

L-Arċisqof sostna li jifhem li l-kwistjoni tas-sigurtà tal-pajjiż mhix xi ħaġa li wieħed jista’ jwarrab jew jinnegozja. Qal li din mhix problema sempliċi għall-Gvern, iżda hemm bżonn li jiġu salvati ż-żewġ valuri: is-sikurezza tal-pajjiż u l-prinċipju tal-umanità. Insista li ladarba dawn il-persuni jinsabu f’nofs periklu imminenti, mela wieħed għandu d-dover li jsalvahom.

Spjega kif Malta għandha l-parti ċentrali tal-Mediterra li taqa’ taħt kompetenza tagħha. Qal li dan ifisser li dak kollu li jiġri fil-periferija ta’ Malta jrid jiġi kkordinat minn Malta. Spjega li Malta ma tistax ma tikkordinax il-ħidma ta’ salvataġġ. Irrimarka li m’hemmx bżonn li l-immigranti jiddaħħlu Malta, iżda huwa fid-dover tal-pajjiż li jsibilhom port ta’ sigurtà ieħor, anke jekk f’pajjiż differenti.

Qal li l-appell tal-Isqfijiet Maltin huwa li jekk hemm periklu ħadd ma jista’ jgħalaq għajnejh.

“Il-Papa diġà qara l-ittra li bgħattnielu”

L-Arċisqof spjega li l-Papa Franġisku diġà qara l-ittra li bagħtulu l-Isqfijiet sabiex jintervjeni hu wkoll fl-appell biex jiġu salvati l-ħajjiet. L-Arċisqof spega li saħansitra kien hemm ukoll djalogu mal-awtoritajiet kif is-Santa Sede tista’ tkun ta’ għajnuna.

L-Arċisqof ammetta li Malta għandha bżonn l-għajnuna ta’ pajjiżi li huma akbar minnha. Qal li mbilli Malta għandha l-pożizzjoni tagħha fil-Mediterran u għandha responsabbiltajiet kbar biex jiġu salvati dawn il-ħajjiet, m’għandhiex titħalla terfa’ dan il-piż waħedha.

Hu fakkar li l-Knisja lesta li tkompli tibqa’ toffri l-għajnuna tagħha f’dan il-qasam kif diġà tagħmel. Spjega li l-Knisja diġà tgħin mal-400 immigrant. Irrimarka li huwa importanti li l-immigranti li ddaħħlu ma jitpoġġewx f’periklu li jimirdu bil-coronavirus.