L-Arċisqof Charles Scicluna jindirizza l-Kapitlu tal-Agostinjani f’Ruma

Waqt il-Kapitlu tal-Agostinjani li sar f'Ruma

Nhar il-Ħadd l-1 ta’ Settembru, inagħta bidu għall-Kapitlu Ġenerali Ordinarju 2019 tal-Ordni Agostinjan permezz ta’ quddiesa fil-Bażilika ta’ Santu Wistin Ruma. Dan ser ikun il-186 Kapitlu Ġenerali u ser jinżamm fil-kurja Ġenerali tal-Ordni biswit Pjazza San Pietru.

Il-Kostituzzjonijiet tal-Ordni Agostinjan jindikaw li l-“Kapitlu Ġenerali, li huwa msejjaħ biex jippromwovi l-ġid komuni tal-aħwa reliġjużi, huwa l-avveniment prinċipali fil-ħajja tal-Ordni, għax għandu joffri xhieda tal-Ispirtu Agostinjan waqt li joħroġ b’mod ċar l-għaqda tal-imħuħ u l-qlub. Għaldaqstant, konxji minn din ir-responsabilita, il-membri kollha tal-Kapitlu għandhom ifittxu l-ġid komuni tal-Ordni.

Fil-Kapitlu Ġenerali, li jsir kull sitt snin, qed jipparteċipaw madwar mitt reliġjuż minn aktar minn ħamsin pajjiż minn madwar id-dinja. Malta qed tkun rappreżentata mill-Provinċjal, P. Leslie Gatt u mill-Kunsillier Provinċjali, P. Franco Grech.

Vokazzjonijiet u Formazzjoni

Barra mill-elezzjoni tal-Pirjol Ġenerali u l-uffiċjali l-oħra tal-Ordni, il-Kapitlu ser ikun qed jiddiskuti: 1) l-Vokazzjonijiet 2)Il-Pjan tal-Formazzjoni tal-kandidati ġodda fl-Ordni 3) L-Ekonomija u l-ġid komuni 4)L-Istrutturi tal-Ordni.

Propju fl-ewwel jum tal-Kapitlu, kien mistieden l-Arċisqof Charles Scicluna li anima waħda mill-ewwel sessjonijiet. L-arċisqof Scicluna kellem lill-Kapitulari dwar il-protokoll li jipproteġi n-nies vulnerabbli f’kull ċirkoskrizzjoni tal-Ordni madwar id-dinja. Is-sessjoni intlaqgħet tajjeb ħafna. Wara l-preżentazzjoni inżamm anke mument ta’ diskussjoni.

Il-Papa franġisku ser jiltaqa mal-membri tal-Kapitlu nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Settembru. Il-Kapitlu Ġenerali jiġi fi tmiemu l-Erbgħa 18 ta’ Settembru.