L-Arċisqof b’quddiesa għall-vittmi tal-Covid-19 fl-Addolorata

Addolorata

L-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra quddiesa fil-Knisja taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, f’Raħal Ġdid, b’suffraġju għal ruħ il-mejtin kollha b’mod partikolari l-vittmi tal-Covid-19. Il-quddiesa se ssir nhar it-Tnejn li ġej fid-9.30am fit-Tifkira tal-Mejtin Kollha.

Għal din il-Quddiesa, l-Arċisqof qed jistieden qarib wieħed ta’ kull vittma biex jattendi. Il-Kurja fi stqarrija appellat lill-qraba biex jinfurmaw lill-kappillan tagħhom mill-aktar fis minħabba restrizzjonijiet ta’ spazju.

Illum mietu żewġ anzjani oħra
Tmut anzjana ta’ 88 sena bil-coronavirus

L-Insara huma mistiedna jitolbu wkoll għall-erwieħ kollha li marru qabilna bis-sinjal tal-fidi u bit-tama tal-qawmien mill-imwiet, biex bil-ħniena ta’ Alla jitnaddfu minn kull dnub.

Intant, ġurnata qabel, il-Ħadd fl-ewwel jum ta’ Novembru, l-Arċisqof se jiċċelebra quddiesa fil-festa tal-Qaddisin Kollha. Il-quddiesa se ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Waqt il-quddiesa tliet seminaristi fil-ħames sena ta’ preparazzjoni fis-Seminarju, se jitolbu lill-Arċisqof biex jaċċettahom uffiċjalment bħala kandidati għall-Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali.

Iż-żewġ quddisiet jixxandru LIVE fuq Newsbook.com.mt.