L-Arċisqof bl-ewwel reazzjoni għal-Liġi taż-Żwieġ

Wara li lbieraħ mill-Parlament għadda l-vot dwar l-abbozz ta’ Liġi li emenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħra, l-Arċisqof kompla bl-analoġija bejn il-ħarrub u l-larinġ u qal li minkejja li għaddiet il-liġi, il-ħarruba baqgħet ħarruba u l-larinġa baqgħet larinġa.
Jiem ilu l-Arċisqof kien sostna li bil-liġi wieħed jista’ jagħmel li jrid fejn jista’ jiddeċiedi li l-ħarruba u l-larinġa jibda jsejħilhom “siġar” iżda l-ħarruba xorta tibqa’ ħarruba u l-larinġa tibqa’ larinġa.
Issa li għadda l-vot, il-ħarruba u l-larinġa indunaw li minkejja li l-Liġi qed tgħidilhom li huma l-istess, xejn ma nbidel fin-natura tagħhom. Il-ħarruba ma saritx bħal-larinġa u l-larinġa ma saritx bħall-ħarruba.
Fl-aħħar jiem l-Arċisqof saħaq li tgħid x’tgħid il-liġi, iż-żwieġ se jibqa’ għaqda dejjema, esklussiva, bejn raġel u mara, li bl-imħabba u mill-imħabba ta’ bejniethom, jitnisslu l-ulied.
Huwa dejjem insista li l-Knisja tirrispetta l-gays, għax wieħed ma jistax ikun ma’ Ġesù u jobgħod lil xi ħadd minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu imma dejjem saħaq ukoll li m’għandux għala jinbidel il-mod kif Alla ħalaq iż-żwieġ, biex ikun jista’ jingħad li żewġt irġiel jew żewġ nisa jistgħu jiżżewġu.