L-Arċisqof b’donazzjoni għall-armla u wlied l-immigrant maqtul f’Ħal Far

Ritratt: knisja.mt/ritratti

L-Arċisqof Charles Scicluna ddeċieda li jagħti parti mill-fondi li nġabru permezz ta’ kunċert karitattiv lill-armla u ulied l-immigrant maqtul f’Ħal Far, Lassana Cisse Souleymane.

F’diskors qasir hu u jgħalaq il-kunċert bl-isem ta’ ‘Archbishop’s Charity Concert’, l-Arċisqof talab permess mill-udjenza sabiex parti mill-flus li nġabru permezz tal-kunċert għall-Archbishop’s Charity Fund jingħataw lill-familja ta’ Cisse. Tenna li dan ir-raġel inqatel sempliċiment għax kien iswed u warajh ħalla armla u tlett itfal.

Aqra: Iwieġbu mhux ħatja s-suldati akkużati bil-qtil f’Ħal Far

L-Arċisqof irrimarka li issa hemm bżonn li l-poplu Malti jimpenja ruħu biex jurihom solidarjetà. Spjega kif dawn kellhom missier li ġie f’Malta biex ikollu paga aħjar u jgħajjex lill-familja b’mod aħjar u spiċċa miet, “anzi maqtul”. Insista li l-poplu għandu responsabbiltà biex dawn l-ulied li ġab fid-dinja, li ma fadlilhomx missier, isibu l-għajnuna li għandhom bżonn.

Skont tweet mill-Arċisqof maħruġa aktar tard, nofs il-fondi li nġabru mill-kunċert se jingħataw lill-familja ta’ Cisse.

Aqra: Iż-żewġ suldati akkużati b’omiċidju għadhom mhux sospiżi mill-AFM

Il-kunċert klassiku sar illejl fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina. Il-mużiċisti li pparteċipaw f’dan il-kunċert kienu Venus Harp Trio, il-kitarrista u kantanta Fiona Cauchi. Huma interpretaw mużika sagra, kemm antika u anke moderna. Il-kunċert kien b’xejn, iżda l-pubbliku kien mistieden jagħti d-donazzjoni tiegħu.

Il-pubbliku jista’ jikkontribwixxu għal dan il-Fond ta’ Karità amministrat mill-Arċisqof billi jibgħat il-kontribuzzjoni tiegħu l-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.