L-Arċisqof Awstraljan jibda l-arrest f’daru wara li ħeba abbużi sesswali

Reuters

Eks-Arċisqof Awstraljan ingħata l-opportunità li minflok imur il-ħabs iservi s-sentenza ta’ sena ħabs tiegħu f’daru.

Il-Maġistrat tal-Qorti ta’ Newcastle, Robert Stone, aċċetta li Philip Wilson, ta’ 67 sena jservi s-sentenza tiegħu f’daru minħabba numru ta’ kundizzjonijiet f’saħħet Wilson, inkluż mard f’qalbu.

Wilson ġie ordnat sabiex jibda jservi s-sentenza tiegħu mil-lum, u se jingħata ċ-ċans għall-parole fi Frar tal-2019.

Fuq it-televiżjoni Awstraljana, Wilson deher jinħareġ mill-Qorti u jittieħed għand oħtu b’karozza, fejn se jkun qed jiskonta s-sentenza.

Wilson kien qal li qed jippjana sabiex jappella kontra s-sentenza li nqatgħet kontrih fuq l-akkuża li ma rrappurtax abbużi minn qassis bl-isem ta’ James Fletcher wara li żewġ vittmi tkellmu miegħu lura fl-1976.

Barra mill-Qorti, wieħed mill-vittmi kkonfronta lil Wilson u talbu jagħmel apoloġija filwaqt li sostna li l-proċess tal-appell se jkun biss qed itawwal l-uġigħ tal-vittmi.

Wilson irreżenja minn Arċisqof ta’ Adelaide f’Lulju li għadda xahrejn wara li nstab ħati mill-Qorti.