L-Arċisqof George Frendo favur id-dħul tal-Albanija fl-Unjoni Ewropea

Arċisqof George Frendo

Mons George Frendo, l-Arċisqof Malti ta’ Tirana u Durres, fl-Albania li hu wkoll President tal-Konferenza Episkopali Albaniza din il-ġimgħa kien fi Brussels flimkien mas-Segretarju tal-Konfeenza Episkopali fejn iltaqgħu ma’ rappreżentanti għolja tal-Unjoni Ewropea biex jiddiskutu d-dħul tal-Albanija fl-Unjoni Ewropea.

Il-Laqgħa kienet organizzata mill-Kummissjoni tal-Konferenzi Episkopali tal-Unjoni Ewropea. L-Arċisqof Frendo u l-Isqof Gjergi Meta, li akkumpanjah, aċċettaw bil-ħerqa l-opportunità biex ifissru l-valuri li l-Albanija għandha x’toffri lill-Ewropa u b’hekk iwarrbu l-biża’ ta’ xi pajjiżi membri minn dan id-dħul.  L-Isqfijiet qalu wkoll li d-dħul tal-Albanija fl-Unjoni Ewropea jnaqqas l-emoraġija tat-talent żgħażugħ minn dan l-istat fil-Balkani hekk kif iż-żgħażagħ qed jitilqu mill-pajjiż biex ifittxu opportunitajiet professjonali u ekonomiċi f’pajjiżi oħra.

L-Arċisqof Frendo qal lir-radju tal-Vatikan li minkejja li qed jikber l-ewro-xettiċiżmu bil-ħruġ tal-Ingilterra mill-Unjoni Ewropea, il-poplu Albaniż mhux jabbanduna l-ħolma tiegħu li jsir membru tal-Unjoni. Qal li mal-grupp ta’ politiċi Ewropej għamel il-każ tal-Albanija għal sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Fid-diskors li għamel Mons. Frendo spjega għaliex l-Albania jixirqilha li tkun aċċettat bħala membru u wieġeb domandi ta’ tħassib ta’ xi membri li jopponu dan id-dħul.

Hu qal li ħafna Albaniżi għadhom jixtiequ jsiru membri tal-Unjoni Ewropea għaliex ġeografikament l-Albania tinsab fit-tarf tal-Ewropa u l-Albaniżi dejjem qishom lilhom infushom bħala poplu Ewropew.

L-Albania għandha l-istess valuri Ewropej u stħarriġ riċenti li sar fil-pajjiż wera li 97% tal-popolazzjoni huma favur is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Emarġinazzjoni

L-Arċisqof qal li l-fatt li f’Ottubru li għadda xi pajjiżi membri użaw il-veto tagħhom biex jibdew it-taħditiet għad-dħul ta’ pajjiżu fl-Unjoni Ewropea ħoloq sens ta’ demoraliżazzjoni fil-pajjiż.

“Sfortunatament, minn dak inhar ‘l hawn, ħafna żgħażagħ qed jitilqu mill-Albania lejn pajjiżi Ewropej oħra u b’hekk is-soċjetà qed tiftaqar għax uħud mill-aħjar nies qed jitilqu mill-pajjiż.

Hu qal li “aħna fid-dmir li nagħtu tama liż-żgħażagħ u għalhekk l-Albania għandha bżonn l-Unjoni Ewropea filwaqt li għandha wkoll xi ħaġa x’toffri”. Hu enfasizza l-fatt li “f’soċjetà li qed issir dejjem aktar anonima, l-ospitalità Albaniża tagħti lis-soċjetà ambjent aktar uman”.

Il-familja Albaniża li għadha magħquda ħafna, hu valur pożittiv ieħor f’soċjetà li hi taħt theddida.  Hemm ukoll ir-rispett lejn l-anzjani li skont l-Arċisqof Frendo f’ħafna pajjiżi huma meqjusa bħala piż u xkiel filwaqt li fl-Albanija l-anzjani huma apprezzati ħafna. Dawn huma kollha valuri li jagħmlu s-soċjetà aktar umana, insista l-President tal-Konferenza Episkopali Albaniża.

Armonija inter-reliġjuża

L-Arċisqof żied jengasizza mal-politiċi Ewropej, valur ieħor li l-Albania ġġib magħha fl-Unjoni Ewropea: il-mudell tagħha tal-armonija inter-reliġjuża. Kien hemm min wera ċertu xettiċiżmu għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea għax l-Albania hi kunsidrata bħala pajjiż Musulman.

Iżda hu nsista li l-Albania hi stat sekulari. Għalkemm il-Musulmani huma fil-maġġoranza (57%), il-Kostituzzjoni tgħid espliċitament li l-pajjiż hu stat sekulari u r-reliġjonijiet kollha huma trattati bl-istess dinjità u rispetto.

Barra minn dan, l-armonija inter-reliġjuża li teżisti fl-Albania hi ta’ eżempju għal ħafna pajjiżi oħra. “Il-Papa San Ġwanni Pawlu u l-Papa Franġisku, it-tnejn żaru l-Albania u t-tnejn esprimew rispett għall-fatt li teżisti din l-armonija inter-reliġjuża li hi ta’ eżempju għal ħafna ġajjiżi oħra”.

L-Arċisqof George Frendo temm jgħid lir-radju tal-Vatikan li din il-laqgħa fi Brussels ma’ politiċi u ambaxxaturi tagħtu ħafna tama u “se nirritorna lejn l-Albania, aktar pożittiv u aktar ottimist”.