L-Arċidjoċesi tirreġistra surplus fl-2019; “għamel tajjeb għall-pandemija”

Rapport finanzjarju
knisja.mt

Read in English.

Fl‑2019 l‑Arċidjoċesi ta’ Malta, li tiġbor fiha aktar minn mitt entità u timpjega aktar minn 1,300 persuna, irreġistrat surplus ta’ €3.5 miljun, imqabbel ma’ żbilanċ ta’ €137,000 is‑sena ta’ qabel. Dan ħareġ tħabbar mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi Michael Pace Ross waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu dwar ir-rapport finanzjarju tal-Arċidjoċesi. Dan ir‑riżultat huwa dovut l-aktar għal dħul ta’ darba ta’ €2.4 miljun f’ishma li rċevew b’donazzjoni d‑Dar tal‑Providenza u Caritas Malta. 

Pace Ross qal li s‑surplus tas‑sena l‑oħra ma kienx biżżejjed biex jagħmel tajjeb għall‑isfidi finanzjarji kbar li ġabet magħha l‑pandemija tal‑COVID‑19 fuq l‑operat tal‑Knisja f’Malta, u għalhekk l‑Arċidjoċesi kellha tirrikorri għall‑flus imġemmgħin fil‑passat.  

Ir‑riżultati finanzjarji għall‑2019 juru li l‑Arċidjoċesi rreġistrat żieda fid‑dħul ta’ kważi €6 miljuni dovuti l‑iktar għal żieda fil‑qligħ kapitali fuq l‑investimenti u żieda fid‑dividend mill‑APS Bank. Ġew irreġistrati wkoll żidiet fid‑dħul minn wirtijiet u minn fondi pubbliċi b’mod partikolari għall‑finanzjament tas‑salarji tal‑iskejjel tas‑Seminarju u s‑Sacred Heart, kif ukoll fondi għall‑proġetti mill‑Unjoni Ewropea.

L‑Arċidjoċesi rreġistrat żieda fl‑infieq ta’ €4.8 miljun. 60% tal‑infieq mar għall‑pagi tal‑kleru u l‑lajċi, filwaqt li 20% kienu spejjeż tal‑operat. Kien hemm ukoll żieda ta’ 47% fl‑infieq ta’ manutenzjoni, restawr u konservazzjoni, filwaqt li l‑Arċidjoċesi ħallset kważi €1.4 miljun f’taxxa.

Il‑Kurja tal‑Arċisqof irregistrat telf marginali ta’ €31,000 wara li s‑surplus tqassam kollu f’sussidji lill‑entitajiet tal‑Knisja. Dan huwa titjib meta mqabbel ma’ żbilanc ta’ €1.36 miljun is‑sena ta’ qabel. Id‑dħul tal‑Kurja żdied b’€2.42 miljun, prinċipalment mill‑investimenti, filwaqt li l‑infiq żdied b’ €1.17 miljun. Matul l‑2019 il‑Kurja wettqet diversi xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni fil‑bini tal‑Kurja, inkluż ir‑restawr tal‑faċċata tal‑istess binja. L‑ispiża fuq xogħlijiet u restawr telgħet għal €684,000, aktar mid‑doppju mis‑sena ta’ qabel.

Pace Ross tkellem ukoll dwar l‑effetti xejn sbieħ li l‑pandemija ħalliet fuq il‑finanzi tal‑Arċidjoċesi din is‑sena. Spjega li d‑dħul naqas minn kullimkien: mill‑ġbir waqt il‑quddies, mid‑donazzjonijiet, mill‑investimenti, u mid‑dividend tal‑APS Bank. Ġie rreġistrat ukoll tnaqqis sostanzjali fid‑dħul tas‑Seminarju, tad‑Dar tal‑Providenza, ta’ Beacon Media Group u ta’ entitajiet oħra. Naqas ukoll id‑dħul minn turisti li jżuru knejjes parrokkjali ewlenin u mill‑mużew tal‑Katidral tal‑Imdina. Dan filwaqt li żdiedu s‑sussidji għall‑entitajiet tal‑Knisja u t‑talbiet minn individwi u familji fil‑bżonn.

Matul l-2019, il-Kurja ħaddmet total ta’ 1,004 persuni fuq bażi full time u 322 fuq bażi part time. Il-Kurja rat żieda ta’ impjegati fi djar tat-tfal, anzjani u persuni b’diżabilità. Pace Ross qal li f’dawn il-figuri mhux qed jgħoddu l-250 qassis djoċesan. Spjega li dawn il-figuri ma jinkludux ukoll il-ħaddiema tal-iskejjel tal-Knisja.

F’isem l Arċisqof Charles Jude Scicluna, Michael Pace Ross irringrazzja lill ħaddiema li qed jagħtu sehemhom u lill għadd ta’ voluntiera li avviċinaw lill Knisja f’dawn l aħħar xhur, biex minkejja s sitwazzjoni finanzjarja diffiċli, l Arċidjoċesi ta’ Malta setgħet tibqa’ twettaq il ħidma pastorali tagħha. Fl-istess waqt, il-Knisja qed tappella ghad-donazzjonijiet biex tkompli toffri s-servizzi tagħha lill persuni emarġinati u dawk l aktar fil bżonn fis-soċjetà.

Minkejja s-sitwazzjoni finanzjarja, il-Kurja rnexxilha tikkonkludi ftehim kollettiv biex tħares u anke ttejjeb l-kundizzjoni ta’ impjieg tal-ħaddiema tagħha. Newsbook.com.mt staqsa kif il-Kurja rnexxielha tilħaq dan il-kompromess fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja b’riżultat tal-pandemija. Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, Pace Ross qal li l-ftehim kollettiv, f’Jannar kien qed jidher li s-sena kienet se tkun waħda tajba, b’hekk ħasbu li setgħu jsostnu żieda fil-pagi tal-ħaddiema. Qal li kien hemm bżonn li dan jiġi pospost għal sena. Spjega li l-union fehmet u apprezzat li ma kien se jitkeċċa ħadd u kienet se tingħata l-paga sħiħa.

Pace Ross qal semma kif it-telf proġettat għall-2020 se jkun bejn €6 u €8 miljuni sat-tmiem is-sena. B’hekk hu tenna l-appell tiegħu sabiex min jista’ jipprovdi donazzjoni lill-Kurja jagħmel dan sabiex jgħinha tkompli għaddejja bil-ħidma pastorali tagħha mingħajr tfixkil.

Jekk tixtieq tagħti donazzjoni b’risq il-ħidma tal-Arċidjoċesi tista tagħmel dan billi tgħafas: knisja.mt/donazzjonijiet.