L-Arċidjoċesi ta’ Santa Fe tappoġġja taxxa fuq il-luminata

Il-Knisja f’Santa Fe tat il-barka tagħha għal proposta biex ikun hemm taxxa fuq id-distributuri tal-luminata, filwaqt li wieħed mis-saċerdoti fid-djoċesi ħareġ jattakka bl-aħrax din it-taxxa bil-kitbiet tiegħu guq Facebook.
L-Arċisqof John Wester ħareġ stqarrija jappoġġja din il-miżura li se timponi taxxa ta’ żewġ ċenteżmi fuq kull uqija xorb.  Minn din it-taxxa mistennija jinġabru $7 miljuni fis-sena li se jintużaw biex ikunu finanzjati programmi edukattivi għal tfal żgħar. Deċiżjoni dwar din it-taxxa mistennija tittieħed fid-2 ta’ Mejju.
Fl-istqarrija tiegħu l-Isqof qal li din it-taxxa hi maħsuba biex tindirizza l-kundizzjonijiet ħżiena  li fihom qed jgħix t-tfal f’dan il-pajjiż. “B’idejna fuq il-kuxjenza ma nistgħux inħallu lit-tfal tagħna staġnati fis-sitwazzjoni tal-biki li jinsabu fiha u li qed tirriżulta f’kundizzjonijiet ta’ saħħa fost l-agħar li hemm fin-nazzjon kollu.”
L-istqarrija tinnota li l-istat ta’ New Mexico – li Santa Fe tifforma parti minnu – jikklassifika fl-ewwel post għal tfal li qed jgħixu fil-faqar u t-tieni għal tfal li qed jgħixu fil-ġuħ. Tkompli li billii s-Senat ta’ New Mexico ma vvutax favur emenda kostitutzzjonali biex ikunu vvutati aktar flus għal programmi ta’ edukazzjoni bikrija, il-muniċipalitajiet iridu jaraw huma kif se jsibu l-fondi għal dawn il-programmi essenzjali.
“Irridu npoġġu ‘l uliedna l-ewwel u qabel kollox.  Jekk l-Istat mhux kapaċi jipprovdi għalihom allura l-Knisja tappoġġja lil dawn il-muniċipalijiet li jieħdu azzjoni fl-interess ta’ uliedna”, sostna l-Arċisqof Wester.
L-Arċidjoċesi ħarġet din l-istqarrija fl-istess jum li r-Rettur tal-Bażilika ta’ San Franġisk f’Santa Fe, ħareġ qatta’ bla ħabel kontra din it-taxxa fuq il-paġna personali tiegġu fuq Facebook u ħeġġeġ lin-nies biex jivvutaw kontra l-introduzzjoni ta’ din it-taxxa.