L-Arċidjoċesi ta’ Nairobi tħarreġ 130 aġent fil-komunikazzjoni

Kattoliċi f'Nairobi ngħataw taħriġ biex jevanġelizzaw

Il-Kummissjoni għall-Komunikazzjoni Soċjali tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi fil-Kenya għadha kemm temmet kors ta’ taħriġ għal 130 persuni fl-Arċidjoċesi ta’ Nairobi biex dawn ikunu jistgħu jaħdmu bħala Aġenti tal-Komunikazzjoni għall-Knisja.

Fr Peter Njau, il-Koordinatur Djoċesan għall-Komunikazzjoni qal li dan it-taħriġ għandu jtejjeb it-tixrid u l-proklamazzjoni tal-Aħbar it-Tajba fost il-parruċċani tal-Arċidjoċesi.

Taħriġ għall-Aġenti tal-Evanġeliżazzjoni

Il-Koordinatur inkoraġixxa lill-aġenti tal-komunikazzjoni biex ikunu strumenti ta’ Alla fil-pjan Tiegħu t’ Evanġeliżazzjoni.

“Alla jridu jużakhom kif intom”. L-Arċisqof ta’ Nairobi, il-Kardinal John Mjue u l-Isqof Awżiljarju David Kamau, huma ferħanin ħafna dwar it-taħriġ li ħadtu u huma ħerqana biex jarawkom taqdu din il-missjoni.

Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Komunikazzjoni Soċjali, Bro. Elias Mokua qal li t-taħriġ kien maħsub biex jiżviluppa  identità Kattolika akbar. Il-Knisja fil-Kenya trid tkun fuq quddiem fejn jidħol kontenut ta’ aħbarijiet u informazzjoni Kattolika.  Hemm il-ħsieb ukoll li jkunu ġenerati aktar aħbarijiet biex jixxandru fuq l-istazzjonijiet tar-radju, il-gazzetti u l-media soċjali.

It-taħriġ se jinfirex mal-Kenya kollha

Il-parteċipanti fit-taħriġ, min-naħa tagħhom, faħħru lill-Knisja għal din l-inizjattiva li ddeskrivewha bħala “pass fid-direzzjoni t-tajba”.

Huma ssuġġerew lill-organiżatturi biex dan it-taħriġ ikompli perjodikament biex huma jżommu ruħhom aġġornati biex ikunu jistgħu jwettqu aħjar il-missjoni tagħhom.  Sadattant huma ħolqu bejniethom gruppi permezz tal-media soċjali biex ikunu jistgħu jikkomunikaw bejniethom u ma’ oħrajnb’mod aktar faċli.

Il-Kummissjoni Nazzjonali issa qed tippjana li tħarreġ Aġenti tal-Komunikazzjoni fil-25 djoċesi li fiha hi maqsuma l-Kenya. S’issa diġà saru korsijiet ta’ taħriġ f’Embu, Kakamega, Nakuru, Eldoret, Kitale, Mombasa, Voi u Malindi.