L-Arċidjoċesi ta’ Jakarta tgħin lill-vittmi tal-għargħar fl-Indonesia

Residenta f’ Jakarta tidher qed taħżen ilma tax-xorb fid-dar tagħha li sfat mgħarrqa. (AFP or licensors)

Filwaqt li n-numru ta’ mejtin kaġun tal-għargħar kbar li laqtu l-kapitali tal-Indonesia, Jakarta, issa tela’ għal 53 persuna, il-Knisja Kattolika mill-ewwel bdiet tgħin lil dawk li kellhom jaħarbu minn djarhom li sfaw mgħarrqa.

Fil-fatt, l-Arċidjoċesi ta’ Jakarta bdiet kampanja ta’ ġbir ta’ flus u oġġetti oħra ta’ għajnuna għal dawk milquta.  Dan il-ġbir beda minn l-għada li seħħ dan id-diżastru naturali.

Fil-fatt diġa’ jitqassam ikel, mediċina u oġġetti sanitarji lil dawk milquta filwaqt li l-Istitut Daya Dharma ipprovdu numru ta’ dgħajjes biex jgħinu lin-nies f’postijiet mgħarrqa biex ifittxu kenn fi rħula u bliet aktar fil-għoli fil-pajjiż.

Yosepha Ajeng, voluntiera tal-imsemmi  Istitut qalet lill-aġenzija tal-aħbarijiet li l-fergħa tas-servizzi soċjali tal-Knisja lokali, appellat lill-Kattoliċi biex jagħtu “ikel u mediċinali għall-vittmi”.

L-agħar għargħar

Fl-aħħar tas-sena u fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida xita qalila niżlet fuq Jakarta u postijiet oħa fl-inħawi.

L-aġenzija Meteoroloġika tal-pajjiż qalet li dan id-dulluvju hu fost l-agħar li qatt laqtu lill-akbar belt  fix-Xlokk tal-Asja, minn kemm ilhom jinżammu r-rekords, fl-1866.

Tmienja mit-13-il xmara li hemm f’Jakarta, faru u għarrqu partijiet kbar minn din il-belt mnejn kellhom jitilqu n-nies.

Filmati mxandra fuq it-televiżjoni tal-pajjiż urew karrożżi miksija bit-tajn mitluqa f’nofs it-triq u nrikkba fuq xulxin wara li nġarru mill-ilmijiet.

Sadatant ix-xita qed tkompli nieżla u l-forza tal-ajru tal-pajjiż kienet imsejħa biex twaddab xkejjer ta’ melħ fuq isi-sħab fi sforz biex tonqos ix-xita.

Jiżdiedu l-vittmi

S’issa mietu mill-anqas 53 persuna filwaqt li madwar 175,000 oħra kienu sfurzati jitilqu minn djarhom.

L-aġenzija Save the Children, li tgħid f’każi ta’ emerġenza esprimiet il-biża’ tagħha li l-ġibjuni tal-ilma tax-xorb jistgħu jispiċċaw kontamenati u jinxtered ħafna mard infettiv.

Il-popolazzjoni tal-metropoli ta’ Jakarta tlaħħaw għalftit aktar minn 30 miljun persuna.

Il-Gvernatur ta’ Jakarta, Anies Baswedan, wissa’ li sa Marzu li ġej, li hu meqjus bħala l-istaġun tax-xita fl-Indonesja, jista’ jkun hemm aktar għargħar.