L-arblu storiku tal-Forti Sant’Anġlu għar-restawr

L-arblu navali fil-Forti Sant’ Anġlu, l-aħħar wieħed tat-tip tiegħu eżistenti fil-gżejjer Maltin, tniżżel sabiex jiġi rrestawrat. Dan l-arblu storiku, minn meta telqet il-Flotta Ingliża minn Malta fl-1979, qatt ma tniżżel minn postu biex jingħata l-manutenzjoni.

Din l-operazzjoni qed issir minn Heritage Malta, bil-kollaborazzjoni tal-Ordni Sovran u Militari ta’ Malta (SMOM). Is-sinjali ta’ deterjorazzjoni huma evidenti fil-parti t’isfel tal-arblu u għalhekk grupp tekniku minn Heritage Malta kellu jadotta sistema ġdida kif l-arblu seta’ jitniżżel.

L-arblu navali tal-injam fil-Forti Sant’Anġlu twaħħal wara li l-Ammiraljat akkwista l-Forti fl-1906. Minn dakinhar huwa kien fost l-aktar affarijiet li jispikkaw fil-Forti. L-għanijiet ta’ dan l-arblu kienu tlieta: li miegħu tittella’ l-bandiera tal-Flotta Ingliża peress li l-Forti Sant’Anġlu kien il-kwartieri tal-Ammiraljat sal-1979; li jintuża biex jingħataw direzzjonijiet ta’ manuvrar fil-Port il-Kbir u; li permezz tiegħu jingħataw sinjali tat-tbassir tat-temp.

Fil-ġimgħat li ġejjin jibda studju fuq il-kundizzjoni tal-arblu u l-aċċessorji li hemm imwaħħla miegħu, biex wara jitfassal programm ta’ konservazzjoni u restawr. Wara dan l-arblu navali jkun jista’ jerġa’ jitpoġġa bi prominenza f’postu fil-Forti Sant’Anġlu.