L-Arabja Sawdija tixli lill-Musulmani li qed jifirdu ‘l ħuthom

Hekk kif il-Musulmani madwar id-dinja qed jippreparaw għall-Ħaġġ f’Mekka, l-Imam tal-Moskea l-Kbira tal-Arabja Sawdija akkuża pubblikament lil dawk li qed joħolqu firda fost il-Musulmani.
Sheikh Saleh Mohammed al-Taleb tkellem quddiem l-eluf li nġabru lbieraħ jippreparaw għall-Ħaġġ ta’ nhar l-Erbgħa.
Semma l-kunflitti bejn il-pajjiżi tal-Golf Għarbi, u l-gwerer ma jaqtgħu qatt fil-Lvant Nofsani.
Dwar il-kunflitti fil-Golf, tajjeb jingħad li l-Arabja Sawdija hija wieħed mill-4 pajjiżi li imponew sanzjonijiet ibsin fuq il-Qatar fuq akkużi li qed jissapportaja lit-terroristi u talli għandu relazzjonijiet mal-Iran.
Hemm ukoll rivalità bejn l-Iran, b’maġġoranza ta’ Musulmani Xiti, u l-Arabja Sawdija fejn hemm maġġoranza Sunni, liema rivalità wasslet biex jakkużaw lil xulxin b’nuqqas ta’ sigurtà reġjonali u jissapportajaw naħat oppopsti f’kunflitti oħra fis-Sirja, l-Iraq u l-Jemen.
Taleb ma rreferiex direttament għall-qasma politika u militari tal-ġens Għarbi, qsim li ħalla mijiet t’eluf mejtin u miljuni maħruba minn pajjiżhom.
Wieħed mill-kummenti tiegħu kien, “Kulmin jikkawża kunflitt u xrar bejn ħutu l-Musulmani qed iwarrab l-armonija, iweġġa’ ’l niesu, iqarraq b’pajjiżu u jimita lil dawk li ġew qabel tħabbret il-kelma lill-profeta Muħammed”.
Newsbook.com.mt kien tkellem ma’ refuġjat Iraqin, li aktar milli l-ISIS, kien qalilna li ma jistax imur lura pajjiżu minħabba x-Xiti li qatlu wħud mill-qraba tiegħu.