L-Arabja Sawdija tammetti li qatlet lil Khashoggi

L-Arabja Sawdija ammettiet il-qtil tal-ġurnalist Jamal Khashoggi u waħħlet f’suldati li kienu parti minn ħidma mibgħuta mill-Gvern Sawdi.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin qal lil Fox News li “l-qtil” kien żball kbir u ċaħad li l-Prinċep Sawdi ordna li l-ġurnalist jinqatel, anzi qal li l-Prinċep ma kienx jaf.

Il-ġurnalist kien deher l-aħħar dieħel fil-konsulat Sawdi f’Istanbul fit-Turkija.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt kelliem għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li l-Gvern Malti qed jistenna li ssir “investigazzjoni metikoluża” dwar il-qtil tal-ġurnalist mill-Arabja Sawdija Jamal Khashoggi li jidher li inqatel minn pajjiżu stess.

Il-Gvern qal li l-fatti li qed isiru magħrufa dwar il-każ huma skunċertanti għall-aħħar. Il-Gvern żied jgħid li kull min kien wara dan il-qtil għandu jwieġeb għal dak li għamel.

Bħala sinjal ta’ protesta wara li sparixxa l-ġurnalist prominenti Jamal Khashoggi, bosta Ministri minn madwar id-dinja rrifjutaw li jattendu għall-konferenza dwar l-investiment li se ssir fl-Arabja Sawdija. L-istess kellliem qal li Malta mhux se tkun qed tattendi għax dan ma kienx ippjanat li jsir.