L-aqwa kwart tas-sena f’bosta snin għall-indiċi Ewropej

Is-sena 2015 bdiet b’saħħa kbira fis-swieq tal-indiċi fl-Ewropa. Matul l-2014 konna rajna is-swieq javvanzaw ftit ferm u saħansitra diversi swieq Ewropej kienu marru lura. Hemm tlett fatturi prinċipali li waslu sabiex is-swieq madwar l-Ewropa raw żidiet b’saħħithom fl-ewwel tlett xhur tas-sena.
L-ewro ddgħajjef ferm kontra kull munita u dan wassal biex l-kumpaniji Ewropej jesportaw iktar u jtejbu l-kompetittività tagħhom.
Il-prezz taż-żejt li issa ilu bosta xhur li nieżel iktar minn 50% fil-valur meta mqabbel ma’ sena ilu, għin biex ħafna konsumaturi u negozji tejbu l-pożizzjoni finanzjarja tagħhom. Fattur ieħor li għin biex fl-Ewropa, bosta kumpanija raw żieda fil-valur tal-ishma tagħhom kien li l-Bank Ċentrali Ewropew qed jixtri bonds u b’hekk jgħin setturi varji. 
Dan qed ikun akkumpanjat ukoll minn rati ta’ interessi baxxi ferm li qed joffru l-banek. Għal daqstant bosta investituri setgħu poġġew flushom f’ishma milli f’kontijiet bankarji, u b’hekk domanda ikbar għal ishma u bonds waslet għal prezzijiet iktar għoljin. 
Wara l-inċident tal-ajruplan Germanwings, bosta kumpaniji tal-ajru raw telf fil-prezz tal-ishma. Dan jista’ jkun sentiment tal-aħbarijiet xokkanti li qed joħorġu ta’ kuljum fuq dan il-każ.
Il-prezz taż-żejt jista’ jkompli nieżel grazzi għall-Iran
Il-prezz taż-żejt baqa’ baxx iżda fl-aħħar siegħat ħa daqqa oħra l’isfel. L-Iran huwa ir-raba’ l-iktar pajjiż fid-dinja li għandu żejt wara l-Venezwela, L-Għarabja Sawdija u l-Kanada.
Jidher li diversi sanzjonijiet li ilhom imposti fuq l-Iran għal bosta snin, jistgħu jitneħħew. Dan jista’ jwassal għal iktar produzzjoni fis-suq li tirrifletti fi prezz iktar baxx.
Jirkupraw l-ishma ta’ Coca Cola
Il-kumpanija tax-xarba popolari Coca Cola rat żieda ta’ 10% fil-valur tal-ishma tagħha kwotati fuq l-borża ta’ Londra fl-aħħar tlett ġimgħat. Dan wara li f’Diċembru u Jannar kienet rat tnaqqis ta’ 30% fil-valur. L-ekonomija fir-Renju Unit qed tkompli turi riżultati pożittivi li qed jirrifletti wkoll fis-swieq tal-ishma fil-borża ta’ Londra.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.