L-aqwa artisti lokali llejla fil-Ħondoq By Night

Ħondoq by Night fl-isfond ta’ waħda mill-isbaħ bajjiet mistenni jattira bosta persuni

Ritratt: MGOZ

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia nedew id-disa’ edizzjoni ta’ Ħondoq by Night Festival, waħda mill-akbar attivitajiet li jsiru f’Għawdex, u li din is-sena tittella’ llejla, is-Sibt, 25 ta’ Lulju 2020.

Il-Ministru Clint Camilleri qal li dawk li jżuru Għawdex f’dan it-tmiem il-ġimgħa se jsibu bosta attivitajiet jistennewhom, fosthom dan il-festival fuq il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien proprju l-għada tal-festival tan-nar li se jsir fix-Xagħra. Kompla jispjega li, “il-Ministeru għal Għawdex ikun fuq quddiem biex jgħin finanzjarjament sabiex jittellgħu attivitajiet bħal dawn li tant jattiraw viżitaturi lejn Għawdex filwaqt li jiġġeneraw turiżmu intern. Kommess li nkomplu dawn l-avvenimenti u nsaħħuhom sabiex Għawdex ikun id-destinazzjoni tal-għażla ta’ kulħadd matul is-sena kollha.”

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li attivitajiet bħal dawn juru r-reżiljenza tal-poplu Malti hekk kif qed nirkupraw mill-pandemija COVID-19. “Bħala Ministeru, qed nappoġġjaw finanzjarjament dan il-kunċert ukoll, għax se jsir fl-isfond ta’ waħda mill-isbaħ bajjiet f’pajjiżna, dik ta’ Ħondoq ir-Rummien. Il-kampanja tagħna għaddejja bħalissa, ‘Saving our Blue’, se tkun preżenti biex inkomplu nwasslu l-messaġġ tagħna li ngawdu l-bajjiet u x-xtajtiet Maltin u Għawdxin mingħajr l-użu ta’ single-use plastics, biex dawn il-bajjiet u l-ibħra tagħna ngħadduhom lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna aħjar milli sibniehom,” qal il-Ministru Farrugia.

Ritratt: MGOZ

Il-line up tal-Ħondoq by Night Festival 2020 se jinkludi wħud mill-aqwa artisti lokali, fosthom Ira Losco & band, Cash & Band, Rebecca & The Passengers, Ryan Spiteri, Micimago u Dj Darco.