L-Aquarius jirrifjuta li jieħu l-immigranti lura l-Libja

Reuters

Il-bastiment tas-salvataġġ tal-immigranti, Aquarius, se jkompli l-ħidma ta’ salvataġġ tiegħu mingħajr ma jistenna l-ordnijiet tal-gwardja tal-kosta u mhux se jkun qed jibgħat lura l-Libja lill-persuni salvati.

Dan qalu l-kap tal-missjoni ta’ salvataġġ tal-Aquarius, liema bastiment is-sena l-oħra biss salva 3,000 persuna mill-għarqa fil-baħar Mediterran.

Waqt li kien qed jitkellem ma’ ġurnalist ta’ Reuters, Nick Romaniuk qal li meta jaraw dgħajsa f’periklu u li hemm ċans li l-persuni abbord imutu se jmorru jsalvawhom immedjatament u jimxu mal-liġi internazzjonali marittima.

Matul din is-sena, ċentri ta’ kordinazzjoni li qed jitolbu lil NGOs jistennew kjarifikazzjonijiet mingħandhom qabel ma jwettqu ħidma ta’ salvataġġ żiedet b’mod konsiderevoli r-riskju tal-persuni li jkunu qed jistennew l-għajnuna.

Il-bastiment operat minn SOS Mediterranee ħareġ minn Marseille din il-ġimgħa għall-10 ħidma tas-sena. Se jkun qed iħuf bejn 40 u 50 kilometru mil-kosta Libjana, fil-punent ta’ Tripli. Iż-żona hija ‘l barra mill-ibħra territorjali Libjani imma fir-reġjun fejn il-gwardji tal-kosta Libjani jsalvaw lill-immigranti.

Romaniuk sostna li l-Libja mhux post sigur u rrimarka li mhix meqjusa bħala port ta’ sigurtà hekk kif ħidma ta’ salvataġġ m’għandiex tintemm f’post fejn se terġa’ titfa’ lil dawn il-persuni f’riskju.

F’Ġunju, l-Aquarius kien salva 629 immigrant ‘il barra mill-kosta Libjana sabiex jittieħdu fl-aktar port Ewropew viċin. Il-Gvern Taljan kien talab biex il-bastiment jitrakka Malta u mhux l-Italja li wassal għal bosta battibekki bejn iż-żewġ Gvernijiet u kunflitt Ewropew.