L-Aquarius jibqa’ jsalva l-ħajjiet; f’riskju li jitlef ir-reġistrazzjoni

SOS Mediterranee

Minkejja li jinsab f’riskju li jitlef ir-reġistrazzjoni tiegħu fil-Panama, l-Aquarius salva 47 persuna oħra f’riskju li jitilfu ħajjithom fuq il-baħar. Dan qaluh fuq Twitter fejn irrakkuntaw li l-ħidma ta’ salvataġġ ma kinitx waħda faċli, iżda wara li nnegozzjaw mal-Gwardji tal-Kosta Libjana, tellgħu abbord is-47 immigrant, li kienu qed isalpaw fuq dgħajsa tal-injam, u li fosthom hemm 17-il minuri u mara tqila.

Sadanittant, l-Awtoritajiet Marittimi tal-Panama bdew il-proċess tagħhom sabiex jirrevokaw ir-reġistrazzjoni tal-bastiment Aquarius tal-NGO SOS Mediterranee. Dan ġie wara li l-awtoritajiet Taljani qalu lill-awtoritajiet fil-Panama li l-kaptan irrifjuta li jobdi fil-każ tal-11-il persuna li kienu ġew salvati fl-aħħar jiem mill-istess bastiment. F’kumment li l-NGO tat lil Newsbook.com.mt, irrimarkat it-tħassib tagħha u s-sorpriża li ħadet meta semgħet dwar il-bidu tal-proċess biex tiġi revokata l-liċenzja.

Aktar kmieni, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li bħalissa l-wasliet tal-immigranti f’Malta jinsab ferm baxx. Irrimarka li l-policies ibbażati fuq is-sens komun u s-sensibbiltà qed jiġu użati. Insista li Malta għandha ssalva lill-immigranti għax huwa fid-dmir tagħha li tagħmel dan, dment li jsir f’sitwazzjonijiet li hu fi dmirha.

F’diskors f’Jum l-Indipendenza, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li Malta għandha tirrispetta l-obbligazzjonijiet internazzjonali kollha sabiex issalva l-ħajjiet ta’ persuni vulnerabbli.