L-Aquarius għal Marsilja bi 58 persuna salvata abbord

Twitter SOSMedFrance / Maud Veith

Il-bastiment Aquarius jinsab fi triqtu lejn il-Port ta’ Marsilja b’58 persuna abbort, salvati mill-għarqa. Il-bastiment qed jitlob lill-awtoritajiet Franċiżi biex iħalluhom jidħlu f’Marsilja sakemm jerġgħu jirreġistraw il-bastiment mill-ġdid. Dan wara li l-awtoritajiet tal-Panama neħħew ir-reġistrazzjoni tal-bastiment wara pressjoni mill-awtoritajiet Taljani. Dan tħabbar fuq Twitter minn ġurnalista Franċiża.

F’Ġunju li għadda l-Ministru tal-Intern Matteo Salvini kien qal li l-Italja mhux se tħalli lill-bastiment jidħol fil-portijiet Taljani. F’Awwissu li għadda l-Aquarius kien ġab Malta 141 persuna li kien salva mill-għarqa. Wara mar lejn Marsilja sakemm irreġistra mill-ġdid dan għaliex il-Ġibiltà neħħietu mir-reġistru. Fl-aħħar missjoni tat-tfittxija u salvataġġ, l-Aquarius salva 11-il persuna u 47 persuna f’żewġ operazzjonijiet separati. Fl-ewwel operazzjoni, l-awtoritajiet Taljani wieġbu qabel l-awtoritajiet Libjani. L-Aquarius talab kemm lil Malta kif ukoll l-Italja biex jitħalla jidħol bil-11-il persuna. Wara li ġew rifjutati huma baqgħu fuq il-baħar f’każ li jinqalgħu iktar każijiet ta’ salvataġġ.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Pariġi l-President tal-għaqda mhux governattiva SOS MEDITERRANEE talab lill-awtoritajiet tal-Panama biex tirrevedi d-deċiżjoni li ħadet fil-konfront tal-bastiment.

L-avukat Ann Fenech tispjega l-bażi legali

L-avukat Ann Fenech li hi esperta legali fil-qasam marittimu spjegat kif meta bastiment jitħassar mir-reġistru ta’ pajjiż dan jiġi wieħed pirata. Hi spjegat kif meta jiġri dan, il-bastiment ma jkunx jista’ jtajjar il-bandiera tal-pajjiż fejn ikun reġistrat u lanqas jista’ jbaħħar fl-ibħra.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-avukat Fenech biex nifhmu eżatt x’inhuma l-implikazzjonijiet legali fil-każ tal-Aquarius hekk kif dan tqaċċat mir-reġistru tal-Panama wara pressjoni li saret mill-awtoritajiet Taljani wara li Salvini ħabbar li l-Italja mhux se tkun qed tilqa’ l-persuni salvati mill-Aquarius.

Fenech spjegat kif bastiment huwa obbligat li jirreġistra ruħu u jkollu bandiera ta’ pajjiż. Hi spjegat li fil-każ ta’ Aquarius dan għandu jidħol f’port fejn ikun jista’ jirregolarizza ruħu. Jiġifieri l-Aquarius għandu jsib ġurisdizzjoni oħra li taċċettah u tirreġistrah biex b’hekk ikun jista’ jerġa jsalpa. Hi qalet li bastiment bla bandiera, jkun qed jikser il-liġi tal-baħar u ma jistgħax ibaħħar.

“Diżumana, irresponsabbli u tal-mistħija” – S&D

Il-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, Udo Bullmann, qal li tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-bastiment Aquarius hi mossa diżumana, irresponsabbli u tal-mistħija. Fi stqarrija il-Grupp sostna li għal darba oħra l-Ministru tal-Intern Matteo Salvini wera kemm huwa kapaċi jaqa’ fil-baxx meta dan mar għand l-awtoritajiet tal-Panama. Huma akkużaw lil Salvini li qed jikkundana mijiet ta’ persuni għal mewthom. L-S&D qalu li l-Aquarius kien l-aħħar bastiment li kien qed jopera flimkien mal-Operazzjoni Sophia u l-Operazzjoni Themis tal-Frontex.

L-S&D saħqu li fi Salzburg il-kapijiet tal-Istat tilfu l-opportunità biex jaqblu fuq regoli komuni dwar tfittxija u salvataġġ.

L-Aquarius huwa mikri mill-SOS MEDITERRANEE u jitħaddem flimkien mal-għaqda mhux governattiva Doctors Without Borders (MSF). Fl-aħħar missjoni tat-tfittxija u salvataġġ l-Aquarius salva 11 u 47 persuna mill-għarqa f’każi separati. L-Aquarius huwa l-unika bastiment tat-tfittxija u salvataġġ ċivili li qed jopera fil-Mediterran ċentrali. Il-bastimenti Sea Watch Vessel 3, MV Lifeline Seefuchs li kienu joperaw fil-Mediterran Ċentrali jinsabu maqbudin Malta.