L-Aquarius b’141 immigrant se jidħol f’Malta fis-1pm

FILE PHOTO: Refugees disembark the Aquarius rescue ship in the port in Valencia, Spain, June 17, 2018. REUTERS/Heino Kalis/File Photo

Kelliem għall-Gvern Malti qal li l-bastiment Aquarius se jidħol f’Malta għal ħabta tas-1pm.

L-istqarrija tispjega li l-141 immigrant abbord se jitniżżlu Malta u se jkunu eskortati ladarba jkun aċċertat l-istat mediku tagħhom lejn iċ-Ċentru tal-Marsa. Wara dawn se jitqassmu lejn Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Portugall u Spanja.

Intant fi stqarrija oħra l-Aġenzija tar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) faħħret l-inizjattiva tal-Gvern Malti li jilqa’ l-immigranti salvati fiċ-Ċentru tal-Mediterran minn bastiment ta’ NGO, l-Aquarius.

Il-UNHCR qalet li tfaħħar ukoll l-inizjattiva ta’ dawk il-pajjiżi Ewropej li aċċettaw li jilqgħu l-immigranti u wriet li din il-koperazzjoni bejn il-pajjiżi tkun ta’ benefiċċju. Iżda l-UNHCR tibqa’ mħassba li s-sitwazzjoni tista’ tirrepeti ruħha sakemm ma jintlaħaqx ftehim reġjonali għall-Mediterran.