L-aptit għall-ikel ivarja skont kemm għandek żmien

Xi ħaġa li lkoll għandna komuni hi l-imħabba lejn l-ikel, għandna kemm għandna żmien.

Studju riċenti juri li hemm 7 etajiet li fihom ivarja l-aptit li nieklu. Naraw daqsxejn x’inhuma…

0-10: Meta l-ġenituri jwissu lit-tfal biex “jieklu kollox,” it-tfal jispiċċaw jitilfu l-aptit, u b’konsegwenza jkunu wikkiela meta jikbru.

11-20: Iż-żgħażagħ jinfetħilhom l-aptit minħabba l-pubertà. Kif javviċina l-ikel żagħżugħ f’dan l-istadju jaffettwa l-għażliet tiegħu fil-futur, saħansitra lit-tfal li għad ikollu.

21-30: Iż-żmien meta dak li jkun jiżżewweġ, u ż-żwieġ magħruf li jġib miegħu żieda fil-kaloriji… biex ma nsemmux l-istress li jikkawża x-xogħol u deċiżjonijiet importanti li jittieħdu f’din il-fażi tal-ħajja.

31-40: Qasma bejn dawk li jiżdidilhom l-aptit u dawk li jonqsilhom.

41-50: Normalment tibda d-dieta, jonkella jibda jiżdied l-ikel bid-dwejjaq li jġibu magħhom ħsibijiet fuq il-pensjoni u x-xjuħija. Hawn jibdew deħlin kundizzjonijiet marbuta mad-dieta bħall-kolesterol u l-pressjoni għolja.

51-60: Wara li nagħlqu l-50, insofru minn telf ta’ muskoli, għalhekk dieta bilanċjata hi essenzjali f’dan il-perjodu.

61-70 u lil hinn: F’dan iż-żmien nutrizzjoni tajba hija mill-iżjed importanti sabiex dak li jkun jibqa’ b’saħħtu, minkejja li x-xjuħija ġġib nuqqas ta’ aptit u ġuħ, li normalment iwassal lil dak li jkun biex jitlef ħafna kaloriji u jsir fraġli. Barra minn hekk, hemm fatturi oħra li ġġib magħha x-xjuħija, bħal problemi marbuta mat-telf tas-snien, nuqqas ta’ togħma u xamm.

L-ikel hu esperjenza soċjali li jekk napprezzawha, nistgħu ngawduha f’kull fażi ta’ ħajjitna, mit-twelid sax-xjuħija.