L-APS iħabbar tkabbir finanzjarju qawwi fl-2018

APS

L-APS ħabbar li kemm il-bank kif ukoll il-Grupp marru tajjeb ħafna fis-sena 2018, bil-bank jilħaq livelli rekord. Id-dħul kiber b’4.6% minn €42.8 miljuni għal €44.7 miljuni filwaqt li d-dħul tal-Bank kien ta’ 6.3% għal €45.7 miljuni. Il-qliegħ qabel it-taxxa kiber b’1.5% minn €18.4 miljuni għal €18.6 miljuni, b’dak tal-bank ikun ta’ 7.7% għal €19.7 miljuni.

Ir-riżultati tal-APS ħarġu wara li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-bank għas-sena bankarja li ġiet fit-tmiemha fil-31 ta’ Diċembru 2018 ġew ivverifikati. Dawn kienu approvati mill-Bord tad-Diretturi illum.

Fi stqarrija l-APS qal li numru tad-depożiti żdied b’34.7% għal €1.65 biljuni filwaqt li s-self kiber b’28.1% għal €1.31 biljuni meta kkumparat mas-sena 2017. Sostna li dan tkabbir intlaħaq wara ħidma kontinwa li saret mill-Grupp u investiment kbir li sar fil-ħaddiema, fit-teknoloġija, fost oħrajn.

Il-Kap Eżekuttiv tal-APS Marcel Cassar qal li l-Bank APS kien trasformat u addattat għas-suq. Cassar spjega li t-trasformazzjoni saret fuq diversi aspetti tal-bank, mill-aspett ta’ organizzazzjoni, proċessar, teknoloġija, iktar governanza b’saħħitha u iktar kontrolli fuq ir-riskji. Sostna li l-APS qed ikollu iktar sehem fis-suq. Temm jgħid li minkejja l-ambjent kompetitiv li fih jopera l-bank, l-APS għamlu użu bil-għaqal tas-setgħat tiegħu fis-suq u kompla jkabbar in-negozju u d-dħul tiegħu.