L-appuntamenti mal-isptar se jsiru b’telefonata jew online fejn possibbli – Il-Ministeru

Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li qed jittieħdu għadd ta’ miżuri biex kemm jista’ jkun, jonqos l-għadd ta’ persuni li jirrikorru l-isptar, partikolarment fid-Dipartiment tal-Outpatients. Fejn possibbli, l-appuntamenti tan-nies se jsiru permezz ta’ telefonata jew online.

Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi lill-Ministeru għas-Saħħa biex jikkonferma email mibgħut lit-tobba f’Mater Dei li jgħid li fil-25 ta’ Settembru, se jidħlu miżuri fis-seħħ billi f’dan id-dipartiment, in-nies mhumiex qed iżommu d-distanza bejn xulxin, u minħabba li l-każijiet tal-coronavirus fil-komunità huma allarmanti.

Nhar is-Sibt li għadda, it-tobba ġew infurmati li se jkun hemm limitu fuq kemm jista’ jkun hemm nies fl-Outpatients bejn is-7am u l-10.30am, l-aktar ħin li fih jinġabru nies. Il-limitu se jippermetti biss lil dawk il-pazjenti li jkollhom appuntament fi 30 minuta jew inqas minn xħin jaslu.

Dawk li jmorru fl-Outpatients mingħajr appuntament se jitħallew jidħlu biss wara l-10.30am.

Filwaqt li ma speċifikatx id-dettalji, il-kelliema għall-Ministeru qalet li l-Isptar Mater Dei se jintroduċi għadd ta’ miżuri biex jaċċerta ruħu li l-pazjenti jżommu d-distanza bejniethom. Fejn ikun possibbli, appuntamenti follow-up isiru bit-telefown jew b’video consultation.

Ikkonfermat li t-tobba ġew infurmati b’dawn il-miżuri.

Ta’ tħassib huma l-każijiet sporadiċi tal-coronavirus, li kulma jmur, donnhom qegħdin jiżdiedu. Mid-49 każ ġdid tal-bieraħ, kien hemm 33 li ma ġiex spjegat minn fejn nibtu.