L-apps li qed tuża jaf jimmanipulawk – studju

Jista’ jkun li ssir manipulazzjoni jew deskriminazzjoni kontra n-nies abbażi tal-apps li jużaw fuq il-mowbajl, skont rapport min-Norveġja.

Għaqda tal-konsumaturi Norveġiża sabet li għadd ta’ apps qed jiġbru wisq informazzjoni dwar in-nies. Uħud mill-apps li ġew studjati huma popolari f’Malta.

Ir-rapport jgħid li min juża l-internet ikun mgħasses il-ħin kollu u li tkun qed tinġabar l-informazzjoni dwaru. Dan bl-għan li r-reklami jkunu personalizzati. Però, ġie żvelat li kull meta wieħed juża l-mowbajl, għadd ta’ entitajiet li bniedem ma jkunx jaf bihom ikunu qed jirċievu informazzjoni personali dwar l-interessi u l-imġieba tal-persuna.

Dawn l-entitajiet tal-marketing joħolqu profili dwar konsumaturi individwali. Apparti milli jużaw din l-informazzjoni għar-reklamar, tintuża wkoll biex issir deskriminazzjoni, manipulazzjoni, u esplojtazzjoni.

X’instab?

L-app tad-dating Grindr kienet qed taqsam informazzjoni dwar GPS location, età, u s-sess ta’ dak li jkun.

L-app MyDays li żżomm rikordji tal-periods tan-nisa kienet qed taqsam il-GPS location tal-utenti tagħha ma’ terzi.

L-app tad-dating OkCupid kienet qed taqsam informazzjoni personali ħafna dwar is-sesswalità, l-użu tad-drogi, fehmiet politiċi, u aktar tal-utenti tagħha.

L-għaqda Norveġiża għamlet riċerka legali li sabet li ħafna mill-qsim ta’ din l-informazzjoni deher li kien illegali skont il-General Data Protection Regulation (GDPR) tal-Ewropa.

Ġie konkluż li 20 xahar wara li daħal fis-seħħ il-GDPR, il-konsumaturi għadhom qed jiġi tracked u profiled onlajn. Ma jkollhomx mezz kif isiru jafu liema entitajiet qed jipproċessaw id-data tagħhom u dwar kif jistgħu jwaqqfu dan. Intqal li l-prattiċi li hemm fis-seħħ huma “bla kontroll”.

L-għaqda qalet li l-internet wassal biex jikbru kumpaniji li jiġbru informazzjoni mingħand in-nies kemm jifilħu. Din tinkludi l-preferenzi, il-movimenti, u informazzjoni fiżika.

Instab li għadd ta’ studji qed juru li in ġenerali, il-konsumaturi mhumiex komdi bi tracking online komprensiv. Ħafna jqisu r-reklamar targeted bħala ndħil żejjed. Hemm ukoll min jgħid li dan mhux etiku.

Deskriminazzjoni

Ir-rapport jgħid li l-informazzjoni li tinġabar dwar in-nies tista’ twassal għal deskriminazzjoni.

Għarfien dwar xi tkun xtrat persuna u s-sitwazzjoni ekonomika tagħha tista’ tintuża biex jinstab l-ammont massimu li persuna lesta tħallas għal xi ħaġa. B’hekk il-prezz ivarja minn persuna għal oħra.

Id-deskriminazzjoni tista’ ssir ukoll billi persuni jew gruppi jiġu esklużi minn reklami għal xogħlijiet jew postijiet għall-kiri.

Studju sabu wkoll li meta wieħed iħoss li l-imġieba tiegħu tkun qed tiġi rekordjata u li dan jista’ jintuża kontra dik il-persuna, wieħed jimmodera lilu nnifsu. Dan jista’ jkollu effetti fuq il-libertà tal-espressjoni.

X’tista’ tagħmel?

L-għaqda qalet li hemm biss ftit azzjonijiet li l-konsumaturi jistgħu jieħdu biex jillimitaw jew jipprevjenu t-tracking u l-qsim tal-informazzjoni li ssir f’dawn l-industriji.

Ir-rapport sar mill-Kunsill tal-Konsumaturi tan-Norveġja. Din hija organizzazzjoni li tirrapreżenta l-interessi tal-konsumaturi. Hija ffinanzjata mill-gvern Norveġiż.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ minn hawn.