L-appoġġ tal-PL għal Timmermans mhux fl-aħjar interess ta’ Malta – Metsola

Il-Kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-appoġġ tal-Partit Laburista għall-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans mhux fl-aħjar interess ta’ Malta.

Il-Partit Nazzjonalista ma jridx li jkun hawn armonizzazzjoni tat-taxxa madwar l-Ewropa kollha kif ħabbar Frans Timmermans. Dan qalu fi stqarrija li qalet li tkellmu dwar dan is-suġġett il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco u l-kandidati tal-PN għall-elezzjonijiet tal-MEPs Roberta Metsola u Roselyn Borg Knight waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Skont il-PN, jekk il-pjan ta’ Timmermans iseħħ ikun hawn riperkussjonijiet kbar u impatt negattiv fuq l-impjiegi f’bosta setturi b’mod partikolari fis-servizzi finanzjarji u l-gaming.

Mario de Marco qal li qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Gvern Nazzjonalista kien innegozja d-dritt li jkun il-pajjiż li jieħu d-deċiżjonijiet dwar is-sistema tat-taxxa f’Malta.

Borg Knight qalet li l-manifest tal-PN fih proposti għat-tisħiħ tal-ekonomija fosthom li l-MEPs tal-PN iservu bħala ambaxxaturi ekonomiċi ta’ Malta.

Il-PN huwa t-theddida – PL

F’reazzjoni għal dan il-Partit Laburista qal li l-ikbar theddida għas-sistema finanzjarju ta’ Malta inkluż kif taħdem it-taxxa hu l-PN. Il-PL qal li l-PN kien spalla ma’ spalla ma’ min attakka s-sistema finanzjarja Maltija.

Aktar mill-kampanja elettorali llum: