L-applikazzjonijiet għall-Maltese Islands Festival 2020 jagħlqu dalwaqt

Il-festival ta’ wirjiet performattivi, immirat għat-tfal u ż-żgħażagħ, se jsir f’Marzu.

Read in English.

L-applikazzjonijiet għar-raba’ edizzjoni tal-avveniment popolari Maltese Islands Festival, li bħalissa deħlin bil-gzuz, se jagħlqu nhar it-Tnejn 13 ta’ Jannar.

Applikazzjonijiet li jidħlu tard, li għalihom titħallas miżata addizzjonali, se jibqgħu jintlaqgħu sa nhar it-Tnejn 20 ta’ Jannar.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Maltese Islands Festival se tittella’ bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu 2020 fi Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta u fil-Phoenicia Ballroom. Dan il-festival tal-arti performattiva, akkreditat internazzjonalment, hu maħsub għal tfal u żgħażagħ li għandhom bejn 4 u 18-il sena, u hemm kategoriji għall-adulti wkoll. Il-festival għandu l-forma ta’ kompetizzjoni u jagħti lill-parteċipanti l-opportunità li jesponu t-talenti tagħhom quddiem udjenza u bord ta’ aġġudikanti internazzjonali, kollha esperti fil-qasam tagħhom.

Matul is-snin, il-festival laqa’ mijiet ta’ parteċipanti b’wirjiet kemm individwali kif ukoll fi grupp, mifruxin fuq bosta kategoriji ta’ żfin, drama, mużika u kant. Minbarra l-element kompetittiv, il-festival joffri pjattaforma lill-artisti fil-kategoriji differenti biex jiltaqgħu u jaqsmu l-ideat ma’ parteċipanti bħalhom f’ambjent artistiku u divertenti.

Il-Maltese Islands Festival huwa membru tal-British and International Federation of Festivals. Għal aktar informazzjoni dwar il-festival u lista sħiħa tal-kategoriji ta’ wirjiet, jekk jogħġbok żur is-sit www.themalteseislandsfestival.com. Biex tapplika, ibgħat email fuq info@themalteseislandsfestival.com u tirċievi ktejjeb bl-informazzjoni kollha flimkien ma’ formola tal-applikazzjoni.