L-applikazzjonijiet għal Skolasajf jonqsu bin-nofs

Tfal rikoverati fl-isptar ikomplu bil-lezzjonijiet għall-ewwel darba

Arkivji

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonniċi ħabbar li l-applikazzjonijiet għal Skolasajf naqsu bin-nofs din is-sena minħabba l-inċertezza li nħolqot mill-imxija tal-coronavirus. 

Meta kien qed jiftaħ id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ liġi dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet, Bonniċi stqarr li d-diviżjoni tal-edukazzjoni rċeviet madwar 5,500 applikazzjoni li hu nofs l-ammont ta’ applikazzjonijiet li s-soltu jidħlu għal dan is-servizz li jingħata fis-sajf.

Huwa qal li minkejja li d-diviżjoni tal-edukazzjoni se tkompli għaddejja bit-tħejjiet għal Skolasajf kull deċiżjoni hi posposta sakemm l-awtoritajiet tas-saħħa japprovaw din l-inizjattiva għal din is-sena.

Il-Ministru Bonniċi qal li hekk kif l-iskejjel ilhom xahrejn magħluqin, il-ġenituri jidher li għadhom indeċiżi dwar jekk hux se jibgħatu lil uliedhom Skolasajf.

Tfal fl-isptar ikomplu bl-istudji bħal sħabhom

Huwa qal li lbieraħ irċieva telefonata mingħand il-fundaturi tal-Puttinu Cares li stqarrew miegħu li għall-ewwel darba, il-pazjenti ċkejknin fl-isptar ma tilfux is-sena skolastika hekk kif bħal sħabhom l-oħrajn qed isegwu l-lezzjonijiet onlajn.

Il-kelliemi Nazzjonalista Clyde Puli qal li l-pjanijiet tal-Gvern biex jimplimenta l-istrateġija diġitali fil-qasam edukattiv imxew b’mod kajman u kien kostrett ivara din l-istrateġija b’mod mgħaġġel minħabba l-coronavirus. Hu rringrazzja lill-għalliema li qed ilaħħqu mal-istudenti tagħhom filwaqt li jkomplu mad-dmirijiet familjari tagħhom. Madanakollu, Puli stqarr li apparti r-ringrazzjament tal-Ministru, l-għalliema għandhom bżonn direzzjoni ‘il quddiem ċara fejn fakkar li kważi sentejn ilu għall-ewwel darba, il-Gvern kien irtira l-liġi l-ġdida tal-edukazzjoni wara li naqas li jikkonsulta mal-għalliema.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn